Il-VGH kellha tkun skwalifikata mill-proċess tal-għażla - NAO
L-Awditur Ġenerali jisħaq illi allegat ftehim bejn il-Gvern u l-VGH qabel inħarġet espressjoni ta' interess kellha tfisser l-iskwalifika tal-VGH mill-proċess
minn Albert Gauci Cunningham
L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) - hekk kif ħabbar ir-rapport tiegħu dwar il-ftehim bejn il-Gvern u l-VGH - wera' t-tħassib immedjat tal-Uffiċċju fir-rigward tal-ftehim li rappreżentanti tal-Gvern allegatament għamlu ma’ numru mill-investituri ta’ VGH qabel ma nħarġet is-sejħa għall-offerti (RfP).
"Il-koinċidenza bejn dan il-ftehim u l-konċessjoni kienet ċara u ħolqot dubju u tħassib kbir rigward l-integrità tal-konċessjoni eventwali. It-tħassib tal-NAO jiżdied fid-dawl tan-nuqqas min-naħa tal-Gvern li jipprovdi lil dan l-Uffiċċju kopja tal-ftehim. Dan l-Uffiċċju huwa tal-fehma li dan il-ftehim ipprovda raġunijiet għall-iskwalifika ta’ VGH mill-RfP," qalet l-istqarrija.
Fi stqarrija l-NAO qal ukoll illi ġew innotati nuqqasijiet sinifikanti fil-proċessi li wasslu għall-RfP.
L-NAO qal illi d-diviżjoni tas-Saħħa fil-Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa (MEH) ma kinitx involuta kif wieħed kien jistenna, bid-diviżjoni tal-Enerġija tmexxi l-proċess minflokha. Il-Ministeru għall-Finanzi ma ġiex ikkonsultat rigward l-iżburżar li kellu jirriżulta mill-konċessjoni.
Huwa qal illi ta’ tħassib akbar f’termini ta’ governanza kien il-fatt li l-ebda awtorizzazzjoni ministerjali ma kienet mitluba jew provduta b’rabta ma’ din il-konċessjoni, "li tirriżulta f’xenarju anomalu fejn tliet sptarijiet pubbliċi ngħataw biex jiġu operati minn terzi mingħajr ma ħadd attwalment assuma r-responsabbiltà għal din id-deċiżjoni."
Jirrimarka kif l-istudju tal-fattibiltà, li kellu jistabilixxi l-bażi għad-deċiżjoni tal-Gvern li jagħti l-isptarijiet, kien nieqes minn kwalunkwe forma ta’ analiżi indipendenti jew ħsieb kritiku.
Nuqqasijiet notevoli oħra identifikati mill-NAO kienu relatati mal-elementi professjonali u tekniċi tal-offerta sottomessa minn VGH. Dan l-Uffiċċju nnota li l-esperjenza kummerċjali kkwotata minn VGH ma kinitx attribwibbli lilha, iżda lill-kumpanija holding Oxley Group jew lill-imsieħba strateġiċi tagħha, jew lil sħab li VGH involviet fil-proġett magħha. "Madankollu, ta’ min jinnota li l-esperjenza ta’ Oxley Group kienet marbuta l-aktar ma trusts u fondi ta’ investiment fi proprjetà immobbli, il-ġestjoni tal-assi u finanzjament. "
Kien evidenti li l-perjodi ta’ żmien indikati minn VGH għall-iżvilupp mill-ġdid tal-isptarijiet ma kinux realistiċi, anzi ambizzjużi wisq. Bl-istess mod, il-projezzjonijiet fir-rigward tat-turiżmu mediku kienu ambizzjużi żżejjed, partikolarment meta wieħed jikkunsidra li kien id-dħul previst minn dan is-sors li kellu jagħmel il-proġett fattibbli.
L-NAO jsostni li, lil hinn mill-affermazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti amministrattivi u d-determinazzjoni ta’ jekk il-kriterji tekniċi stabbiliti fl-RfP kinux issodisfati u sa liema punt, huwa raġonevoli li wieħed jistenna li l-proċess ta’ evalwazzjoni jkun jinkludi element ta’ diliġenza dovuta fuq kull offerent. Dan l-Uffiċċju huwa tal-fehma li d-diliġenza dovuta mwettqa mill-Gvern biex tivverifika kwistjonijiet relatati ma’ VGH fil-kapaċità tagħha u fir-relazzjoni miegħu bħala l-offerent ippreferut għat-tmexxija tal-isptarijiet pubbliċi ma kinitx adegwata.
L-NAO ġie mitlub mill-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi biex jivverifika l-konċessjoni mogħtija mill-Gvern lil Vitals Global Healthcare Ltd (VGH) b’rabta mal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, l-Isptar San Luqa u l-Isptar ta’ Rijabilitazzjoni Karin Grech. Din il-parti tal-verifika tal-Uffiċċju tiffoka fuq il-proċess ta’ akkwist li wassal għall-għotja tal-konċessjoni lil VGH. Il-kuntratti li daħlu fihom il-partijiet u t-trasferiment eventwali lil Steward Health Care huma indirizzati fit-tieni u t-tielet partijiet, rispettivament, li għad iridu jinħarġu.