Editorjal | Għażla ċara: Kompromess jew it-tkissir assolut tal-PN

Jekk minflok kompromess se jkun aktar pika l-PN se jiddiżintegra u jitkisser .. il-ġenerazzjonijiet ta' għada dan mhux se jinsewh!

Dak li qed naraw iseħħ fil-Partit Nazzjonalista huwa diżastru ta' proporzjonijiet kbar.  Partit politiku li huwa l-ikbar u l-unika Oppożizzjoni li tista' fil-fatt tkun Gvern alternattiv tinsab fuq saqajha - maqsuma, miġġielda, imkissra u miblugħa minn żewġ fazzjonijiet estremi li qabdu l-partit u qed iniżżluh 'l isfel fl-abbissi suwed ta' qiegħ l-oċeani. 

Dan ilu ġej.  Ma nistgħux ngħidu li din il-gwerra fil-Partit Nazzjonalista tiġi qisha xi sorpriża - ilha tbaqbaq l-iskuntentizza u l-iskumdità fil-Partit Nazzjonalista - mhux biss ta' grupp ta' Deputati imma ta' ħafna aktar.  Ejja ma nilludux ruħna li dawn id-19-il Deputat (tnejn minnhom l-unika żewġ MEPs tal-PN) qed jitkellmu f'vakum assolut.  Anke jekk m'għandhomx raġun u anke jekk ma rrispettawx deċiżjoni demokratika tat-tesserati li tellgħuh b'maġġoranza ta' 53%, il-fatt jibqa' li Delia diġa mar għal test elettorali u tilfu b'mod spettakolari.  Is-sena l-oħra l-PN tilef l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew b'distakk ta' aktar minn 42,000 vot, l-elezzjoni tal-Kunsilli b'distakk akbar u ż-żewġ MEPs li ġew eletti kienu tnejn magħrufin illi la kellhom u lanqas qatt ma kellhom wisq simpatiji lejn Delia.  Jiġifieri s-sondaġġi xjentifiċi li qed juru lill-PN lura sew u lil Delia aktar, b'persentġġi tant diżastrużi li lanqas ħadd u qatt ma basar, jiġu fil-kuntest ta' appuntament elettorali miġġieled l-aktar fuq materji lokali li Delia tilef bil-qawwi.  

Delia wera' biċ-ċar illi minkejja li pprova u nammirawh talli pprova, ma rnexxilux jilħaq diversi għanijiet. L-ewwelnett l-għan li joffri Oppożizzjoni magħquda u kredibbli. Illum il-PN huwa mifrud u allura mhux kredibbli

Delia wera' biċ-ċar illi minkejja li pprova u nammirawh talli pprova, ma rnexxilux jilħaq diversi għanijiet.  L-ewwelnett l-għan li joffri Oppożizzjoni magħquda u kredibbli.  Illum il-PN huwa mifrud u allura mhux kredibbli.  Parti kbira mit-tort hawnhekk huwa ta' nukleu ta' Deputati u uffiċjali li ħalfu li ma jridux jaħdmu miegħu, grupp ta' nies li tħobbhom jew tobgħodhom huma l-istrateġisti, il-ħassieba u l-makkaki fil-partit.  Delia tħalla mdawwar b'nies bla ħażen, bla għerf u bla esperjenza meħtieġa.  Huwa vera li mhumiex popolari u l-insistenza tagħhom li Delia jitlaq tmur kontra għażla demokratika, imma huwa vera wkoll li kienu parti kruċjali fi Gvernijiet ta' Eddie Fenech Adami u wara ta' Gonzi. Meta qed ngħidu l-fazzjoni qed insemmu l-ismijiet kollha u l-ġenerazzjonijiet li huma marbutin intrisikament mal-partit:  Fenech Adami, De Marco u anke Borg Olivier.

It-tieninett Delia kien messu indirizza din il-problema mill-bidunett. Messu induna min huma dawk in-nies li se jaħdmu kontrih u tratta l-problema fil-bidu tat-tmexxija tiegħu, mhux baqa' jittama li dawn xi darba se jikkoperaw. Messu jew warrabhom mill-ewwel jew inkella bena pontijiet b'saħħithom u veri ma' dawn in-nies. 

It-tielet, meta Delia deċieda li jwarrab lil Simon Busuttil ħa kalkolu strateġiku ħażin li jikkonferma l-ewwel punt, jiġifieri li madwaru ma kienx u ma hemmx nies li qed jgħidulu kif għandhom isiru l-affarijiet u x'jiġri jekk jieħu ċerti deċiżjonijiet. Dakinhar kien qed jirrispondi għall-għajtiet mill-Partit Laburista u l-Laburisti ferħulu, pero kif nafu ħafna fil-Partit Nazzjonalista daru kontrih. Qattusa għaġġelija friegħ għomja tagħmel. Dik id-deċiżjoni setgħet saret b'aktar għaqal u b'sehem iktar mifrux.

minkejja protesti u saħansitra riżenja ta' Joseph Muscat, meqjus bħala l-persuna li ħolqot u mexxiet moviment ta' votanti u minkejja pandemija li tefgħet ħafna pressjoni fuq is-servizzi tas-saħħa u ġġamjat ekonomija - Delia mhux talli mar 'il quddiem, talli mar lura

Ir-raba'.  Delia minkejja li huwa persuna dħulija u tat-triq falla milli jagħti sfida lill-akbar avversajri tiegħu, kemm Joseph Muscat u issa Robert Abela wkoll.  Huwa ċar li l-votanti mhux qed jarawh bħala alternattiva serja u biex inkunu onesti ilhom ma jaraw lill-Partit Nazzjonalista bħal alternattiva serja.  Minkejja skandli u ftehim tal-Gvern Laburista ta' Muscat - il-Power Station u l-Vitals Global Healthcare - li huma oxxeni, il-Panama Papers, Cafè Premiere u l-esproprijazzjoni lill-Gaffarena, minkejja protesti u saħansitra riżenja ta' Joseph Muscat, meqjus bħala l-persuna li ħolqot u mexxiet moviment ta' votanti u minkejja pandemija li tefgħet ħafna pressjoni fuq is-servizzi tas-saħħa u ġġamjat ekonomija - Delia mhux talli mar 'il quddiem, talli mar lura. X'ma jkunux iridu lil Delia jibqa' numru ta' votanti Laburisti akkaniti!

U l-ħames.  Delia beda l-karriera tiegħu b'akkużi serji minn Daphne Caruana Galizia dwar flejjes deħlin fżkont f'Jersey liema flus kien allegatament ġejjin minn ċirku ta' prostituzzjoni f'Londra mmexxi minn żewġt aħwa Maltin.  Delia qal li kien client account. U mid-dehra se jispiċċa l-karriera tiegħu wkoll fil-mira ta' akkużi - din d-darba li Yorgen Fenech baqa' jikkomunika miegħu u hu lura - anke allegatament jirranġaw laqgħa għal ikla wara li kien magħruf li dan huwa sid ta' 17 Black.  Agħar minn hekk Delia huwa akkużat illi aċċetta €50,000 mingħand l-istess Fenech biex David Casa ma jkunx elett.

 Delia ma jistax jiġġieled il-korruzzjoni u l-pożizzjoni tiegħu m'għadhiex tenibbli ladarba huwa mexxej politiku taħt investigazzjoni u inkjesta maġisterjali, bl-istess kejl li kien juża hu fuq politiċi Laburisti. 

Iva dak li għaddej fil-PN huwa tort grupp ta' ribelli li qatt ma aċettawha li kien elett Delia u dan jgħid ħafna dwarhom u dwar il-Partit Nazzjonalista.  Imma issa?  X'inhu l-pass li jmiss?  Status quo jew bidliet?  Tkeċċijiet (irid ikeċċi kważi l-Grupp Parlamentari kollu) jew kooperazzjoni?

L-umiltà u l-imħabba lejn il-pajjiż u lejn il-partit - jekk għadha teżisti fil-PN - għandha twassal biex kulħadd jieħu pass lura u għall-ġid tal-pajjiż u tal-partit jinstab kompromess

X'sar minnha l-idea li ħadd mhu akbar mill-partit?  Jiġifieri biex xi ħadd jieħu raġun se jippermetti li jniżżel partit għalkopptejh? 
L-umiltà u l-imħabba lejn il-pajjiż u lejn il-partit - jekk għadha teżisti fil-PN - għandha twassal biex kulħadd jieħu pass lura u għall-ġid tal-pajjiż u tal-partit jinstab kompromess bejn il-fazzjoni ta' kontra Delia u dawk li għadhom jappoġġjawh. 

Jekk minflok hekk, se jkun hemm aktar pika u aktar għebbusija tar-ras, il-PN se jidiżintegra u nistgħu nasiguraw lid-19-il Deputat imma anke lil Adrian Delia, li l-ġenerazzjonijiet tal-futur mhumiex se jaħfrulhom talli kissru partit u ċaħħdu lil dan il-pajjiż minn oppożizzjoni denja u diċenti.  

 

More in Politika