Analiżi | Il-Privatizzazzjoni ta' tliet Sptarijiet - Għalfejn is-saħħa mhix għal bejgħ

Il-privatizzazzjoni tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex, l-Isptar Karin Grech u l-Isptar San Luqa qajmet ħafna dubji, dibattiti u anke rapport tal-Awditur.  Il-Professur Carmel Borg u Dr Joe Gravina janalizzaw għaliex il-privatizzazzjoni ta' dawn l-isptarijiet hija amnesija ideoloġika 

Ram Tumuluri, l-wiċċ tal-VGH f'Malta
Ram Tumuluri, l-wiċċ tal-VGH f'Malta

Fil-kuntest Ewropew u internazzjonali, il-kriżi finanzjarja tal-2008 saħħet l-għajta tal-ħassieba, funzjonarji, u politiċi li jħaddnu l-politika tas-suq, li s-servizz pubbliku m’huwiex sostenibbli u, allura, jeħtieġ il-krozzi tal-privat biex iserrħu l-għotor tas-servizz ħali u ineffiċjenti li jagħtu l-ħaddiema ‘tal-gvern’.

F’Malta, din il-mewġa favur il-privatizazzjoni tal-ġid komuni qabdet l-għeruq, u riċentament sabet il-milja tagħha fil-qasam tas-saħħa, bil-privatizazzjoni ta’ tliet assi pubbliċi li storikament meddew it-triq għas-servizz tas-saħħa pubbliku li għandna llum; servizz li ta riżultati eċċellenti f’diversi oqsma tal-operat mediku kif, per eżempju, jixhdu dawn l-aħħar erba’ xhur tal-pandemija.

 Bil-privatizazzjoni fil-qasam tas-saħħa nifhmu l-finanzjament privat jew it-trasferiment ta’ assi u funzjonijiet minn entitajiet pubbliċi għal dawk privati, fejn l-għan ta’ dawn tal-aħħar, għalkemm mhux dejjem, ikun li jagħmlu l-qligħ mill-ispazji li jakkwistaw u s-servizzi li joffru, f’isimhom jew f’isem l-awtoritajiet pubbliċi.  L-entitajiet privati li jeżistu biex jagħmlu l-profitt mis-saħħa jvarjaw minn kumpaniji żgħar għal korporazzjonijiet ġganteski li joperaw globalment.  Ir-repertorju tal-privatizazzjoni huwa wieħed wiesa’ u jvarja minn privatizazzjoni tal-finanzjament tal-kura u tas-servizzi, għall-privatizazzjoni tal-immaniġjar tas-saħħa jew tal-investiment f’oqsma differenti tas-settur.  

It-tmexxija ta' Steward Healthcare tiltaqa' mal-PM Joseph Muscat - Steward hija mmexxija mill-istess persuna li kien imexxi l-VGH
It-tmexxija ta' Steward Healthcare tiltaqa' mal-PM Joseph Muscat - Steward hija mmexxija mill-istess persuna li kien imexxi l-VGH

Il-mewġa Ewropeja u internazzjonali favur il-privatizazzjoni, inkluża dik tas-saħħa, għandha l-għeruq fiċ-ċertezza tal-intelletwali organiċi tal-kapitaliżmu mwaħħar li l-omnipreżenza tal-Istat hija xkiel għall-inizjattiva privata, li s-servizzi soċjali ġenerużi li jkopru kull aspett tal-ħajja, parti mill-kuntratt soċjali ta’ wara t-Tieni Gwerra Dinjija, m’humiex sostenibbli, u li s-servizz pubbliku huwa l-iljunfant li ma jista’ qatt ikun effiċjenti, ħafif, flessibbli u akkomodanti daqs il-privat.  Psewdo-ċertezzi mnebbħin mill-ideoloġija tas-suq li tinkoraġġixxi t-tnaqqir tas-servizz pubbliku u t-trasferiment tas-servizzi pubbliċi lill-privat bħala kundizzjoni ewlenija għall-investiment; ideoloġija li twaħħad  id-demokrazija mal-libertà tal-għażla fil-konsum ta’ frott il-produzzjoni u s-servizzi li joħloq l-istess suq.  Ċertezzi mistħajla li dakkru wkoll lix-‘xellug’ vanituż, imxennaq għar-rebħiet elettorali. 

Privatizzazzjoni li turi amnesija ideoloġika fil-Partit Laburista

 Lokalment, it-trasferiment tal-isptarijiet  huwa manifest ħaj ta’ dan it-twemmin u tal-kunflitt ideoloġiku li żviluppa mill-bżonn li partit b’għeruq xellugin jirritorna għat-tmexxija tal-pajjiż u jibqa’ appellabbli.  Xejriet politiċi dinjin, ħlief li f’pajjiżna għadha friska l-memorja ta’ battalja ideoloġika, fl-‘epoca delle ideologie’, li ħalliet vittma bla ħtija. 

It-trasferiment tat-tliet sptarijiet jirrappreżenta l-amnesija ideoloġika ta’ element fil-Partit Laburista  li donnu nesa li storikament il-partit kien protagonist fil-bini tal-infrastruttura medika, u li dejjem ħares lejn is-servizzi tas-saħħa bħala parti integrali mill-ġid komuni.  Fejn sa ftit ilu s-servizz pubbliku kien qiegħed jgħix viċin il-privat, fi djalogu pjuttost kawt, b’dan it-trasferiment massiv, li aktar stħarriġ għad jgħidilna min kien hemm warajh, jekk hux individwi b’tendenzi neoliberali, viċin l-oligarkija ekonomika, jew kabinett sħiħ, l-assi pubbliċi fil-qasam tas-saħħa ġew privatizzati.  B’din id-deċiżjoni, l-Istat, b’mod mill-aktar attiv, qiegħed jimbotta biex il-privat jaħdem bi ħwejjeġ pubbliċi u jmur tajjeb, f’kull ċirkustanza, anke jekk ma jirrendix jew ma jagħtix servizzi spettakolarment aħjar, kif tgħidilna l-mantra tal-privatizazzjoni.    B’dan it-trasferiment bla preċedent fil-qasam tas-saħħa, l-Istat kompla jxellef il-funzjoni pubblika tiegħu u naqqas mill-impenn li jħares il-ġid komuni.

Il-proċess tal-privatizazzjoni tal-qasam tas-saħħa jikkontradixxi żewġ prinċipji fundamentali li l-ebda partit xellugi mpjenjat li jħares il-ġustizzja soċjali m’hu lest li jikkontradixxi.  L-ewwel prinċipju huwa li l-aċċess għas-saħħa għandu jkun universali, ta’ kwalità, dejjem u kullimkien, u aċċessibbli għal kulħadd fil-punt tal-użu.  It-tieni prinċipju huwa li s-sistema tas-saħħa għandha taħdem biex jitnaqqas l-impatt tal-istatus soċjo-ekonomiku fuq l-aċċessibilità universali.  

Sptar San Luqa
Sptar San Luqa

L-edukazzjoni bħala mudell tal-aċċessibilità

Jekk nieħdu l-edukazzjoni f’Malta bħala mudell ta’ x’jista’ jiġri meta b’mod konxju l-Istat jimbotta l-preżenza qawwija tal-privat f’settur strateġiku għall-ġustizzja soċjali, wieħed jinnota li bi qrib in-nofs tat-tfal fis-sistema edukattiva obbligatorja li jattendu skejjel li m’humiex tal-Istat, Malta għandha waħda mill-aktar korrelazzjonijiet b’saħħthom bejn l-istatus soċjo-ekonomiku tal-familja u s-suċċess edukattiv tat-tfal.  Dan ifisser li fil-qasam edukattiv, minkejja n-nefqa nazzjonali, l-għeruq soċjo-ekonomiċi tal-familja għadhom jagħmlu d-differenza, u l-aċċess m’huwiex ekwu għal kulħadd. L-OECD (l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku), l-organizazzjoni responsabbli għall-amministrazzjoni tal-PISA, l-istudju triennali li jkejjel b’mod komparattiv is-suċċess akkademiku fl-oqsma tal-litteriżmu, x-xjenza u l-matematika, tirrimarka, f’rapporti li joħorġu wara l-publikazzjoni tar-riżultati, li l-aqwa sistemi edukattivi, dawk li jiggarantixxu aċċessibiltà ekwa, huma dawk li, fost ħafna ħwejjeġ oħra, iħaddnu politika edukattiva li żżomm lill-privat taħt kontroll, u li jiffukaw fuq l-eċċellenza fis-sttur pubbliku. 

Fil-pajjiżi b’sistema edukattiva meqjusa bħala aċċessibbli, kemm fil-punt tad-dħul kif ukoll fi tmiem, b’riżultati edukattivi eċċellenti, ir-rabta bejn l-istatus soċjo-ekonomiku tal-familja u s-suċċess edukattiv hija baxxa. Il-messaġġ tal-OECD huwa ċar: il-ġustizzja soċjali tasal għaliha b’politika koerenti li tpoġġi l-interessi pubbliċi qabel dawk privati fl-oqsma li jiggarantixxu d-dinjità tal-bniedem. 

Sptar Ġenerali ta' Għawdex
Sptar Ġenerali ta' Għawdex

Il-pandemija kixfet l-effett tax-xogħol prekarju 

F’kuntest internazzjonali, il-pandemija kompliet toħroġ fil-beraħ ir-riskji ta’ privat b’saħħtu fil-qasam tas-saħħa.  Id-diżastru Amerikan fil-konfront tal-imxija, issorprenda biss lil dawk li m’humiex midħla ta’ settur li ċeda għall-polza tas-sigurtà bħala t-tarka ewlenija tal-ħarsien tas-saħħa.  Pajjiż li ħalla l-iżvilupp parallel ta’ sistema tas-saħħa privata, mgħammra bl-aqwa teknoloġija, li taqdi mill-koxxa lil min jiflaħ iħallas.  Sistema razzista u klassista meta wieħed jifli min miet fil-pandemija, u kemm imwiet setgħu ġew evitati kieku s-sistema ma tiddiskriminax, b’mod strutturali, bejn min qiegħed jinqeda sew u min għadu barra mis-sigurtà soċjali, li tinkludi s-saħħa. 

 Fil-qasam tar-relazzjonijiet industrijali, il-pandemija kixfet l-effett tax-xogħol prekarju ta’ ħafna ħaddiema fis-settur; xogħol li jwieġeb għall-prinċipji sagri tal-effiċjenza u tal-qtugħ fl-ispejjeż.  Ħafna ħaddiema, fil-bżonn li jagħmlu aktar minn xogħol wieħed biex ilaħħqu mal-ħajja, mhux biss kienu eroj iżda protagonisti fit-tixrid tal-marda.   

Meta sistema tas-saħħa parallela trabbi l-għeruq ikun diffiċli biex wieħed jimponi qafas regolatorju li jassigura ugwaljanza għall-pazjenti kollha f’sistema mmexxija b’valuri soċjali.  Il-privat huwa silettiv mhux biss f’min jisserva bih iżda wkoll fis-servizzi li jagħti.  Il-privat qatt ma jmur għall-għadam u, ġeneralment, it-tmexmix jitħalla għas-servizz pubbliku; waħda mir-raġunijiet li tispjega d-diżastru Lombardjan fil-konfront tal-pandemija.  

Filwaqt li jidher li l-kont tat-tliet sptarijiet għadu miftuħ, jeħtieġ diskussjoni pubblika dwar kemm irridu suq fil-qasam tas-saħħa, kif qegħdin jissaħħu d-dipartimenti fis-saħħa pubblika qabel ma jiddaħħal il-privat u x’livelli ta’ monitoraġġ jeżistu biex titħares l-ugwaljanza f’dan il-qasam. 

Sadattant, nibqgħu nfakkru, anzi ninsistu li: is-saħħa ma tistax titqies bħala komodità jew prodott għall-bejgħ; il-qalb tas-servizzi tas-saħħa għandha tibqa’  pubblika; is-servizz pubbliku għandu jkun tal-aqwa kwalità biex ma tikbirx, bħalma seħħ fl-edukazzjoni, ix-xenqa għall-privat, bir-riżultat li Malta tkompli ssir nazzjon ta’ żewġ gżiriet; il-pajjiż għandu jkompli jippreferi mudell pubbliku u volontarju permezz ta’ taxxi ġusti u ekwi; u titkattar it-trasparenza fl-użu ta’ fondi pubbliċi, u titrażżan il-ħela u tiżdied l-effiċjenza biex aktar nies igawdu minn firxa ta’ servizzi  pubbliċi aġġornati.  Fuq kollox, imnebbħin mill-ġustizzja soċjali, l-ugwaljanza tibqa’ tinżamm bħala l-għeżeż valur fid-deċiżjonijiet li jittieħdu fil-qasam u ’l hinn minnu.  

Il-Professur Carmel Borg u Dr Joe Gravina  -  żewġ letturi fl-Università ta’ Malta li jħarsu lejn fenomeni politiko-soċjali b’lenti interdixxiplinarja

 

More in Politika