Numru ta' assoċjazzjonijiet mediċi sostnew illi qed jinnutaw iż-żieda fil-każi ta' Covid-19 minn attivitajiet tal-massa u sostnew illi se jkun diffiċli li wieħed jimplimenta miżuri ta' ddistanzjar soċjali u anti-covid f'attivitajiet li mistennijin "jattiraw għexieren ta' eluf" ta' nies.
L-assoċjazzjonijiet għalhekk qed jaqblu mal-unjin tat-tobba u qed isostnu li dawn l-attivitajiet tal-massa "għandhom il-potenzjal li jiriżultaw f'żidiet qawwijin fil-każi li jkunu aktar diffiċli issa biex ikunu ikkontrollati u li jikkompromettu dak ix-xogħol kollu li sar permezz tas-sagrifiċċju kollettiv waqt il-bidu tal-pandemija."
L-assoċjazzjonijiet qalu illi huma qed jappellaw b'mod b'saħħtu u pubbliku biex il-Gvern iwaqqaf il-permessi kollha tal-massa u jipprijoritizza s-saħħa u l-benesseri tan-nazzjon "fuq l-interessi ekonomiċi ta' minoranza."
Din l-istqarrija tiġi ftit tal-ħin wara illi kien żvelat li persuna li kienet pożittiva għall-Covid-19 attendiet għall-marċ ta' Santa Venera u kien ukoll fil-każin.
L-għaqdiet mediċi huma l-Assoċjazzjoni tal-Anestesoloġija ta' Malta, l-Assoċjazzjoni tat-Tobba tal-Emerġenza ta' Malta, l-Assoċjazzjoni tal-Ortopedija u l-Kirurgi tat-Trawma, l-Assoċjazzjoni tat-Tobba tal-Familja, l-Assoċjazzjoni tal-Kirurgi, L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Oftamoloġisti, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Otolarinġoloġisti, l-Assoċjazzjoni tar-Radjoloġisti kif ukoll l-Assoċjazzjoni tal-Pedjatrija.
Il-Kamra tal-Kummerċ fi stqarrija qalet ukoll li l-uniċi attivitajiet tal-massa li għandhom isiru u dawk li jistgħu jsiru b'mod organizzat u li fihom jista' jsir distanzjar soċjali. Qalet illi l-uniċi attivitajiet li għandhom jitħallew isiru huma dawk li jsiru wara qbil bejn l-organizzatur u l-awtoritajiet u li fihom jkun hemm il-kontroll tal-massa.