Melvin Theuma: Kronoloġija ta' xhieda, disprament, konfoffi u assassinju

Nhar il-Erbgħa filgħodu kulħadd qam b'isem wieħed fuq fommu:  Melvin Theuma, is-sensar fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia li nstab għonqu mħanxar, polz maqtugħ u l-istonku mniffed. Ħarsa lejn dak li sirna nafu dwar Theuma fl-aħħar sena ...                      

Din il-ġimgħa Malta kienet qed titkellem fuq Melvin Theuma, wara li dan instab b'għonqu mħanxar u saħansitra b'daqqiet ta' sikkina fl-istonku u fuq il-polz.  Nhar it-Tlieta filgħaxija u l-Erbgħa filgħodu l-pajjiż kien mixgħul jiddiskuti jekk dan fil-fatt kinx attentat ta' suwiċidju jew inkella kinx attentat ta' omiċidju. 

Theuma huwa xhieda kruċjali fil-każ tal-assasinju ta' Daphne Caruana Galizia  - permezz tar-rekordings li ħa u li qed jinstemgħu fil-Qorti u hekk kif kien is-sensar f'dan il-qtil - li aktar kemm jgħaddi żmien aktar qed jidher li huwa kobba mħabbla stil mafjuż.

L-aħħar informazzjoni illum it-Tnejn huwa li Theuma nħareġ mill-ITU. 

Sfond kriminali

Melvin Theuma kien beda l-karriera kriminali tiegħu allegatament involut f'attivitajiet finanzjarji u krimin  ali relatati mat-tiġrijiet taż-żwiemel biex bil-mod, il-mod  -  2019 - kabbar ir-reputazzjoni tiegħu bħala finanzjatur ta' intrapriżi kriminali. 

Fil-fatt mal-arrest tiegħu kienu nstabu €2 miljuni fi flus kontanti fid-dar tiegħu.

Huwa kien meħlus minn akkużi ta' użura lura fl-2003. 

Huwa magħruf ukoll għan-negozju tal-logħob tal-flus (lottu) li jmexxi. 

Nhar is-7 ta' Frar ta' din is-sena hu kien - waqt xhieda fil-Qorti - ammetta li kien imexxi prattiċi ta' logħob illegali. 

"Kien hemm ġimgħat fejn kont naqla' €3,000 u oħrajn fejn kont nitlef €10,000."

Huwa ċaħad illi kien isellef bl-użura. 

Impjieg fantażma

F'parti mix-xhieda tiegħu Theuma kien qal illi l-eks Chief of Staff Kastilja Keith Schembri - permezz ta' Sandro Craus -  kienu taw impjieg lil Theuma fil-Ministeru tal-Politika Soċjali f'Mejju tas-sena 2017 - ħames xhur qabel inqatlet Daphne Caruana Galizia. 

Nhar is-7 ta' Frar 2020, l-illum.com.mt tirrapporta kif Theuma xehed li ma kienx jaf għalfejn ingħata impjieg mal-Gvern li għalih ma kellux għalfejn jattendi. Jixhed kif irringrazzja l'Alla li kien se jaqla' xi flus żejda. "Yorgen kien qalli: mhux aħjar paga żejda? Good luck’"

Theuma qal illi meta waqfulu l-ħlas, ċertu Tony Muscat kien kellmu u qallu li jrid jibda jmur għax-xogħol inkella ma jibqax jitħallas. Jgħid illi kien kellem lil Yorgen Fenech dwar dan.

Muscat huwa persuna qrib il-Ministru Michael Farrugia u kien qal lill-pulizija, skont rapport fuq The Times, li kien Keith Schembri li għamel pressjoni biex Theuma jingħata dan l-impjieg li għalih kien qed jitħallas €1,200 fix-xahar. 

Mal-gazzetta ILLUM Craus kien ċaħad li hu ta dan l-impjieg u qal li mill-Customer Care ta' Kastilja jidħlu eluf ta' talbiet għall-għajnuna. 

Iċ-ċekkijiet waqfu wara l-elezzjoni tal-2017. 

Schembri u Theuma sa issa huwa magħruf  li ltaqgħu darbtejn: waqt ikla għand Yorgen Fenech u meta mar kastilja fejn kien ħa l-famuż ritratt mal-eks Chief of Staff.

Meta xehed fil-Qorti iżda Keith Schembri kien qal - l-illum.com.mt kienet irrapportat - li Theuma mar minn jeddu għandu biex jitolbu xogħol. Insista li l-laqgħa ma damitx, Theuma ried ritratt miegħu u wara Schembri għadda d-dettalji tiegħu lill-customer care. Fi kliemu, ma kellu l-ebda idea jekk Theuma ngħatax impjieg. 

Żnażan, patata u iljufanti - fejn iltaqgħu biex isir il-qtil?

Kollox beda meta Yorgen Fenech kien ċempel lil Theuma u qallu jiltaqa' miegħu fir-ristorant Blue Elephant fil-lukanda Hilton. Qallu "sib lil Alfred Degiorgio għax irrid noqtol lil Daphne Caruana Galizia."  Huwa kien qallu li kienet se toħroġ xi storja fuq zijuh Ray.

Fit-tinda tal-patata fil-Marsa Melvin jiltaqa' ma' Degiorgio li jistaqsieh dan iħallasx flus tajba.  Jumejn wara reġgħu ltaqgħu fil-kafetterija Busy Bee fl-Imsida fejn Degiorgio kien qallu li jrid €30,000 qabel jibda l-proċess u €120,000 wara l-qtil - €150,000 b'kollox. 

Il-qtil u l-elezzjoni tal-2017

Fil-ġranet wara li Joseph Muscat kien ħabbar elezzjoni ġenerali għal Ġunju 2017 - jiġifieri nhar l-1 ta' Mejju tal-istess sena -  Fenech ċempel lil Theuma u talbu jwaqqaf kollox.  Theuma reġa' mar jiltaqa' ma' Degiorgio il-Busy Bee biex jgħidlu.  

L-għada tal-jum tal-votazzjoni, il-Ħadd 4 ta' Ġunju, meta kien ċar li l-Partit Laburista kien rebaħ l-elezzjoni Fenech reġa' ċempel lil Theuma u qallu: "Mexxi.  Irrid noqtol lil Daphne Caruana Galizia."

Fenech kien bagħat messaġġ lil Melvin Theuma u qallu li bil-Labour fil-Gvern huma protetti, filwaqt li għamel referenza għas-sondaġġi li kienu juru lill-PL minn fuq. 

Fenech kien talab lil Theuma jwasslu l-ajruport meta tah l-ewwel €150,000 għal dan l-assasinju. 

Jagħmel wirt - xahar wara li nqatlet!

Xahar wara li Daphne Caruana Galizia inqatlet Theuma għamel il-wirt fuq is-sieħba tiegħu.  Huwa qal fil-Qorti li wara li sema' bil-qtil tal-ġurnalista beża' ħafna u madwar xahar wara għamel il-wirt - sinjal illi minn tliet snin ilu Theuma kien jaf li ħajtu fil-periklu jew li hu se jpoġġi ħajtu fil-periklu.

Ittra - 'Keith u Yorgen iridu jeħilsu minni'

Melvin Theuma kien kiteb ittra miktuba bl-idejn illi fiha jgħid hekk (riprodotta) : "Jiena Melvin Theuma - Qed ngħaddi din l-informazzjoni li kont il-middleman fil-każ - tas-sinjura Caruana Galizia - jiena qed nibgħat dawn il-provi biex issiru tafu min qabbadni u ħallas biex issir din il-bomba - dan qed nagħmlu għax indunajt li l-istess tnejn minn nies li huma Yorgen Fenech u Keith Schembri, l-Kasco - kienu qed jaħdmu biex jeħilsu minni."

Mal-pulizija Theuma kien qal li hu ma kellux informazzjoni li Keith Schembri kien involut u qal li uża ismu biex ibeżża' lil Fenech. 

Il-Fulu, iċ-Ċiniż u l-Koħħu - jinqabdu

Fenech b'xi mod kien jaf li se jsir rejd fit-Tinda tal-patata għal 5 ta' Diċembru.  Ir-rejd seħħ jum qabel, fl-4 ta' Diċembru. 

Theuma qal illi kien baqa' jgħaddi xi flus lill-aħwa Degiorgio (Il-Fulu u ċ-Ċiniż) biex ikunu jistgħu "jkampaw" għax beda jibża' li se jikxfu. 

Minn hemmhekk it-triq kienet għan-niżla  b'Theuma jixrob bl-addoċċ.  Meta ra hekk Fenech kien tah €5,000 u qallu "mur ħu vaganza". 

Kenneth Camilleri
Kenneth Camilleri

Meta kien ċar illi fl-investigazzjoni kienu se jidħlu l-FBI u l-Europol - Fenech kien qal lil Theuma biex lill-aħwa Degiorio u lil Koħħu "jarmihom 'l hemm".

Il-laqgħa ma' Kenneth Camilleri

Jidħol fix-xena l-eks membru tas-sigurtà tal-eks PM Joseph Muscat - Kenneth Camilleri, li meta mitlub jixhed iddeċieda li ma jixhidx biex ma jkunx fil-periklu li jinkrimina lilu nnifsu. 

Theuma kien iltaqa' ma' Kenneth Camilleri, dak iż-żmien allura li kien jaħdem Kastilja u dan qallu illi s-suspettati  bil-qtil se jingħataw l-ħelsien mill-arrest "fit-22 tax-xahar" u jieħdu €1 miljun kull wieħed.  Minn fejn kien u ġejjin il-flus sa issa ma nafu xejn. 

Waqt din il-laqgħa Theuma jgħid li dan kien qed iċempel lil xi ħadd li huwa jgħid li jissuspetta illi kien Keith Schembri. 

Schembri kien xehed illi lil Camilleri ma jafux u kien sempliċiment jgħidlu 'hello u ċaw'. 

L-illum.com.mt kienet irrapportat nhar id-19 ta' Diċembru 2019 illi Theuma xehed kif darba kellu konverżazzjoni ma' ċerta Johann Cremona u Camilleri,  fil-garaxx ta' Cremona. Dakinhar Camilleri kien kiteb tliet numri tat-telefon fuq biċċa karta. Wieħed minn numri kien ta' Theuma. 

Theuma qal fil-Qorti illi Camilleri kien qallu li għandu problema għax jidher li hu kien il-mandant tal-qtil. Imma hu qalilhom li huwa Yorgen mhux hu.

Cremona huwa sieħeb ta' Yorgen Fenech fin-negozju.

Lura wara l-pandemija: It-350 ta' Cardona

Wara li l-kumpilazzjoni tal-evidenza kellha tieqaf għal ġimgħat sħaħ minħabba l-pandemija, Melvin Theuma reġa’ lura b’xhieda xokkanti kontra l-eks Ministru u ;le-eks Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Chris Cardona. 

 Theuma qal li l-irġiel akkużati bil-qtil ta’ Caruana Galizia ħadu “350” - li huma flus (€350,000) -  biex wettqu l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, informazzjoni li skontu, waslet għandu mingħand Johann Cremona, sieħeb fin-negozju ma’ Yorgen Fenech.

Dawn it-“350” waslu mingħand Chris Cardona, intqal fix-xhieda.

Chris Cardona jerġa’ jiċħad ukoll dawn l-allegazzjonijiet. Jiddeskrivihom bħala “bla sens u bbażati fuq il-gideb.”

Fil-Qorti Melvin Theuma jiddeskrivi lil ċertu Anthony Chetcuti, magħruf bħala l-Biglee, bħala intermedjarju bejn Chris Cardona u Alfred Degiorgio. Dan Anthony Chetcuti huwa canvasser ta’ Chris Cardona.

Skont Melvin Theuma, kien dan il-Biglee li għadda t-“350” mingħand Cardona għal għand il-Fulu.

Melvin Theuma xehed ukoll kif darba, Mario Degiorgio (ħu Alfred u George Degiorgio) kien spjegalu kif David Gatt kien qallu li qabel jibda l-ġuri jrid iħejji €400,000.

Dan David Gatt huwa avukat li jaqsam uffiċċju ma’ Chris Cardona.

L-istess David Gatt, dejjem skont ix-xhieda ta’ Melvin Theuma, kien bagħat messaġġ ma’ xi ħadd jisħaq li jekk l-aħwa Degiorgio kienu se jitfgħu l-ħtija fuq Cardona kien joqtolhom.

Theuma kien qal ukoll li darba Yorgen Fenech kien qallu illi Cardona tant kien inkwetat minħabba l-qtil tal-ġurnalista li daħal l-isptar b'overdose. 

Theuma, il-Ġojja u l-eks Kummissarju

Meta kien qed jixhed Edwin Gatt magħruf bħala l-Ġojja  kien qal li darba kien ċempillu Theuma u qallu biex ma jirrabjax "imma jiena involut (fil-qtil ta' Daphne)". 

Il-Ġojja jiftaħ it-tieqa wkoll fuq dak li ġara din il-ġimgħa hekk kif fil-Qorti kien xehed illi Theuma kien iddisprat u kien saħansitra hedded li joqtol lilu nnifsu jekk l-aħawa Degiorgio jieħdu l-maħfra.

Il-Ġojja kien qal li kien ilu jaf lill-eks Kummissarju Lawrence Cutajar 20 sena u kien  mar biex jipprova jirranġa ċitazzjoni li kien qala' lavrant tiegħu. Meta kien hemm Cutajar staqsieh dwar ir-rekordings li Theuma kien ħa u fejn qegħdin.  Cutajar qal li darba Theuma kien  ħadlu USB b'kopja tar-rekordings biex jurih li vera, imma ċaħad li jaf fejn kienu. 

Lil Cutajar kien ilu jafu l-Ġojja minn meta dan kien stazzjonat fl-Għassa ta' Birżebbuġa. 

Cutajar qed ikun investigat fuq l-allegazzjoni li għadda informazzjoni dwar l-arrest tal-aħwa Degiorgio permezz tal-Ġojja, li mbagħad allegatament għadda kollox lil Theuma. 

Ir-rekordings

Ta' interess partikolari wkoll huma r-rekordings ta' bejn Theuma u Fenech.  F'parti minnhom jitkellmu dwar "dak" u kif dan lanqas l-affarijiet tiegħu ma jista' jirranġa "aħseb u ara".  Hawnhekk hawn min qed jgħid illi qed jirreferu għal Keith Schembri bil-kelma "dak". 

Yorgen Fenech u Keith Schembri, jirriżulta issa, kellhom ħbiberija kbira tant li l-eks Chief of Staff  kien qal illi kien lest jidħol fin-nar għall-intraprenditur. 

Mistoqsi mill-avukat Jason Azzopardi l-illum.com.mt jirrapporta kif Theuma jgħid li Yorgen Fenech kien ikellmu dwar bombi oħra li Vince Muscat ried jikxef informazzjoni dwarhom.

Aktar qabel, fir-recordings, Fenech jinstema' jgħid lil Theuma li jekk il-mowbajl ta' Cardona kellu jispiċċa f'idejn persuni terzi, "jaqa' l-Gvern."

Theuma u Keith 

Minkejja li Lovin Malta fit-13 ta' Frar ta' din is-sena rrappurtat kif lil Theuma jgħid li "Keith Schembri ovvjament kien jaf x'inhu jagħmel" , l-illum.com.mt ta' Ġunju ta' din is-sena tirrapporta kif Theuma qal li l-eks Chief of Staff kien imsemmi ħafna dwar tixħim u affarijiet simili.

"Allura kkonkludejt li kien involut. Iżda taħt ġurament, ma nistax nimplikah. Qatt ma ltqajt ma' Keith Schembri dwar dan."

Theuma u Adrian Delia

Theuma kien qal li darba Yorgen Fenech kien qallu li sejjer Adrian Delia jiekol għandu, stqarrija kkorraborata mill-allegazzjoni  ta' Whatssapp chats bejn it-tnejn illi fiha Fenech jistieden lil Delia għall-ikel u dan jaċċetta u jgħid li Pierre Portelli se jirranġa kollox. 

 Darba oħra Theuma kien xehed kif Fenech kien għadda l-flus lil Delia bil-patt u l-kundizzjoni li  l-Kap tal-PN jaħdem biex David Casa ma jkunx elett. 

Din l-allegazzjoni serja ġiet ikkoraborata minn Keith Schembri - f'xhieda fil-Qorti illi fiha qal li Pierre Portelli  kien imur jiġbor il-flus mill-Portomaso li kien imbagħad jgħaddi lill-PN.  

Dawn l-allegazzjonijiet kien hemm indikazzjoni tagħhom l-ewwel darba waqt il-programm Xarabank fejn David Thake - issa Deputat -  kien staqsa jekk hux minnu li Delia kien aċċetta €50,000 mingħand Yorgen Fenech.

More in Politika