Il-Covid-19 jerġa jerfa' rasu f'Malta u lilhinn minnha...ħarsa ħafifa!

In-numri tal-każi tal-Covid-19 reġgħu għollew rashom mhux biss f'Malta imma anke madwar id-dinja kollha. Il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa ħafifa lejn xi pajjiżi u kif inhi s-sitwazzjoni tal-Covid-19 hemmhekk ...

Din il-ġimgħa l-kwistjoni tal-Coronavirus reġgħet refgħet rasha - mhux għax ma baqgħetx hemm - imma wara ġimgħat mingħajr każi ħafna kienu ħasbu illi għadda kollox. 

Lilhinn minn Malta s-sitwazzjoni madwar id-dinja la hija ward u żgħar u lanqas hija 'problema solvuta' kif ħafna ħassew li kienet Malta, b'diversi pajjiżi jaraw il-każi jiżdiedu, oħrajn jerġgħu jgħalqu dak li fetħu jew jimponu miżuri restrittivi mill-ġdid u oħrajn li qed jaraw  xi forma ta' tnaqqis.  

Nibdew b'Malta ...

Malta kellha riżultati tajbin ħafna għat-tmiem tax-xahar ta' Mejju u ħafna mix-xahar ta' Lulju hekk kif b'kollox  - mis-27 ta' Mejju sal-21 ta' Lulju kien hemm 19-il ġurnata bl-ebda każ ġdid, numru kbir ta' nies li fiequ u tlett ijiem illi matulhom kien hemm każ wieħed biss. 

Dawn ir-riżultati tajbin deheru se jisfaxxaw fi tmiem il-ġimgħa l-oħra u bidu ta' din hekk kif il-ġimgħa l-oħra, nhar it-23 ta' Lulju, irriżulta każ wieħed mill-party li sar fi tmiem il-ġimgħa - bejn is-17 u d-19 ta' Lulju - fil-lukanda Radisson.  L-għada rriżultaw sitt każi - kollha nies li kienu l-party - u l-Ħadd tħabbru 14-il każ ġdid, disa' mill-party, tlieta kienu każijiet sporadiċi u żewġ każi kienu importati. 

Nhar it-Tnejn kien żvelat illi persuna pożittiva marret il-marċ ta' Santa Venera u l-każin ta' din il-lokalità, filwaqt li LSE li mar il-party fir-Radisson għadda l-virus lil student fi Skola Sajf. L-għada l-pajjiż reġa' rreġistra seba' każijiet - tnejn minnhom impurtati filwaqt li kien irrapportat illi LSE ieħor irriżulta fil-pożittiv - imma li kinitx attendiet l-iskola

Sala fl-Isptar Mater Dei kellha tingħalaq minħabba każ ta' pazjent li rriżulta fil-pożittiv.

Imbagħad it-Tlieta filgħaxija waslet dgħajsa  b'94 immigrant - li l-kbira tagħhom, jew 65 persuna kienu pożittivi għall-Covid.  Dan wassal biex in-numri ta' każi attivi jisplodi għal aktar   100, minn 34, fi ftit sigħat.

Spanja - Katalunja terġa tagħlaq

Ir-reġjun tal-Katalunja irrapporta 8,563 każ ġdid ta' Covid-19 f'14-il jum, nofs is-17,842 każi li kien hemm fi Spanja fl-istess perjodu ta' żmien. 

Fid-dawl ta' dan l-awtoritajiet għalqu n-nightclubs kollha għal ħmistax-il jum filwaqt li barijiet, ristoranti u Casinos jeħtieġ jgħalqu f'nofsilejl, kemm fil-belt ta' Barċelona kif ukoll f'Costa Brava. 

Is-Segretarju tas-Saħħa Pubblika Spanjol Josep Maria Argimon qal li l-ġranet li qegħdin fihom huma "kruċjali" għall-qasam tas-saħħa fir-reġjun. 

Is-sit tal-aħbarijiet Euronews jirrapporta kif il-poplu tar-Renju Unit qed ikun imħeġġeġ ma jmurx Spanja u qed jitlob lil dawk kollha ġejjin minn dan il-pajjiż biex jagħmlu kwarantina.

Il-Ġermanja:  Firxa f'komunità ta' rziezet

174 ħaddiem ta' razzett enormi f'Mamming, fid-distrett Dingolfing-Landau fil-Ġermanja, instabu pożittivi filwaqt li 500 ħaddiem kellhom jibqgħu kwarantina hekk kif kien hemm firxa tal-Covid f'dan il-post. 

L-awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika tal-Bavarja qalu illi sa issa (sakemm inkiteb l-artiklu) ma kienx jidher li hemm firxa ta' dan il-virus. 

Ir-residenti f'dan ir-raħal qed jingħataw testijiet b'xejn filwaqt li l-Ġermanja bdiet testijiet b'xejn ukoll lil kull min dieħel fil-pajjiż

L-Istati Uniti:  Diżastru fis-sena tal-elezzjoni

Politikament, il-Covid-19 ma setgħetx ġiet fi żmien agħar milli ġiet għal Doanld Trump - il-President Amerikan li din is-sena jiffaċċja elezzjoni ġenerali kontra r-rival Demokratiku tiegħu Joe Biden, f'Novembru.

Sal-bidu tal-ġimgħa, biss, biss l-Istati Uniti kienu qed jirreġistraw 4.1 miljun każ ta' Covid-19 b'xejn inqas minn  64,582 każ f'24 siegħa biss.  Sal-bidu ta' din il-ġimgħa kienu diġa' seħħew 145,982 mewt ikkawżata mill-virus b'969 mewt f'24 siegħa biss, f'okkażjoni waħda. 

Tliet stati - California, Florida u Texas qed jappellaw biex jgħalqu mill-ġdid hekk kif il-pressjoni fuq is-sistema tas-saħħa qegħda tiżdied. Pazjenti minn California kellhom jittieħdu mas-600 mil 'il bogħod, fi Florida deħlin ħafna ħaddiema tas-saħħa biex jagħtu daqqa ta' id u f'Texas is-Sindki qed jitolbu li jingħataw id-dritt jgħalqu l-bliet tagħhom biex tkun evitata aktar pressjoni fuq l-isptarijiet. 

Is-City Hall f'Huntington Beach reġgħet ingħalqet għat-tieni darba.  Ta' min wieħed jinnota illi mhux l-istati kollha fetħu kollox:  Il-barijiet, clubs u teatri għadhom magħluqin f'Kolumbia, Maine, Maryland, Massachusettes, Minessota,  North Carolina u South Carolina - fost oħrajn.

Fil-bidu tax-xahar il-kumpanija Apple kompliet tagħlaq iktar ħwienet madwar l-Istati Uniti.

Il-Belġju:  Aktar miżuri ristrettivi

Il-PM Belġjan Sophie Wilmès din il-ġimgħa ħabbret aktar miżuri restrittivi wara żieda msejħa "konsiderevoli ta' każi.  Il-PM ħabbret li familja jista' jkollha biss kuntatt ma' ħamsa minn nies oħra u  nies ma jistgħux ikunu fi gruppi ta' aktar minn 10 persuni. 

Wissiet illi jista' jkun li l-pajjiż jerġa' jmur fuq lockdown komplet. 

In-numru ta' każi kompla tiela' għal total ta' 66,026 sal-bidu tal-ġimgħa b'580 każ ġdid u erbà mwiet oħra qabel tħabbru l-miżuri ristrettivi. 

L-Eġittu:  Is-sitwazzjoni tibqa' gravi

Is-sitwazzjoni fil-pajjiż tal-Fargħuni, mhux wisq 'il bogħod minn Malta tibqa' waħda gravi b'92,062 każ - jew żieda ta' 479 każ ġdid f'24 siegħa (bejn il-Ħadd u t-Tnejn li għaddew) u sa issa ġew irreġistrati 4,606 imwiet.

Minkejja dan in-numru tal-każi bdew jonqsu u allura l-pajjiż, bil-mod il-mod reġa' beda jiftaħ stabbilimenti differenti. 

Naturalment , bħall-bqija tad-dinja, it-turiżmu qed ibati ħafna u dan huwa ħażin ħafna f'pajjiż li jiddependi ħafna mit-turiżmu.

Franza:  Sitwazzjoni li qed tintensifika

Franza - wieħed mill-aktar pajjiżi milqutin ħażin - ukoll qed jara żieda fin-numri tal-każi u anke tal-imwiet.  

B'kollox sa issa fi Franza kien hemm 183,000 każ pożittiv ta' Covid-19, li minnhom 81,082 fiequ filwaqt li tilfu ħajjithom xejn inqas minn 30,209 persuni.

Fil-bidu tal-ġimgħa kien irrapportat fuq Reuters illi fi tliet ijiem kien hemm 2,551 każ ġdid u 17-il persuna oħra tilfet ħajjitha - it-tielet l-ogħla numru f'xaharejn.

Il-Ministru tas-Saħħa Franċiż sostna li x-xejriet qed juru "deterjorament gradwali tas-sitwazzjoni", li ddeskriviha bħala "qed tintensifika". 

Il-Gvern għamilha obbligatorja f'postijiet pubbliċi - fuq ġewwa - li persuna tilbes maskra.  Jekk dan ma jiġrix il-persuna taqla' multa ta' €135.

Ċipru: Inkwiet f'Limassol

Ċipru kien wieħed mill-pajjiżi meqjusin 'siguri' u li fil-fatt għad għandu numri żgħar, iżda l-awtoritajiet huma mħassbin hekk kif l-infezzjonijiet żdiedu għal 1,060 - parzjalment minħabba cluster ta' nies f'Limassol, post iffrekwentat minn ħafna turisti. 

Kien hemm cluster ta' erba' footballers li kienu ġejjin minn barra, kif ukoll xi każijiet f'Limassol - li wasslu biex żewġ kafetteriji popolari jgħalqu u jiġu ddiżinfettati. 

Kollox ma' kollox iżda s-sitwazzjoni f'din il-gżira għadha tajba. 

L-Indja:  Stati jmorru lura għal lockdown

Is-sitwazzjoni f'dan il-pajjiż b'waħda mill-akbar popolazzjonijiet fid-dinja baqgħet tiggrava jum wara jum, bil-kurva turi illi l-Indja tiela' bħalissa u l-pajjiż jidher li għadu dieħel fl-agħar punt tal-kriżi. 

Filwaqt illi fis-6 ta' Mejju kien hemm 2,680 każ ġid, din il-ġimgħa l-każi qabżu l-50,000 f'ġurnata, biex b'kollox sal-bidu tal-ġimgħa kien hemm 1.48 miljun li minnhom 33,425 irriżultaw f'imwiet. 

Hekk kif il-virus baqa' jikber l-istati ta' Uttar Pradesh, Bihar u  West Bengal reġgħu bdew deħlin f'lockdown biex ikun ikkontaminat il-virus. 

F'Uttar Pradesh biss inqabżu sew it-32,000 każ u għalhekk ingħalaq kollox għal tmiem il-ġimgħa li għaddiet.

Greċja: Numri żgħar imma żieda wkoll

Fil-pajjiż ġar tagħna l-Greċja - ukoll hemm tħassib dwar żieda fin-numri, anke jekk bħal f'Ċipru dawn jibqgħu baxxi. 

Sa issa l-Greċja kellha 4,227 każ attiv u 202 imwiet. 

L-aktar jum illi fih kien hemm każi kien nhar il-21 ta' April b'156 każ u l-aktar li kien hemm imwiet kien nhar it-3 ta' April b'10. 

Minkejja li matul Mejju u anke f'Ġunju n-numri kienu kważi dejjem żgħar reġgħu żdiedu f'Lulju, biex minn taħt l-10 każi kuljum matul l-aħħar jiem kienu qed jiġu rreġistrati aktar minn 25 każ kuljum. 

"Iż-żieda fil-każi fiċ-ċentri urbani tfakkarna illi l-virus għadu hawn," qal Kelliem għall-Gvern Grieg Stelios Petsas.  Huwa sostna illi jekk ikun hemm bżonn li l-użu tal-maskri jsir obbligatorju dan isir.  Dan għaliex jidher illi ħafna nies ma kinux qed jilbsu maskri u jsegwu r-regoli ta' ddistanzjar soċjali.

Il-Gvern Grieg mhux qed jippermetti li jsiru festivals.

L-Awstralja: Melbourne terġa tagħlaq

Kafetteriji, barijiet, ristoranti u gyms li għadhom kemm fetħu kellhom jerġgħu jgħalqu ... ħames miljun Awstraljan lura f'lockdown.

Hekk irrapportaw diversi siti hekk kif l-Istat ta' Victoria - li jinkludi lil Melbourne - kellu jerġa jagħlaq.  Dan wara li kienu rrapportati  532 każ ġdid u n-numru ta' nies li mietu jiżiedu għal 77.  

Ħamsa mill-aħħar imwiet kienu fi djar tal-anzjani. 

L-awtoritajiet huma inkwetati ħafna hekk kif, kuntrarjament għal qabel, ħafna mill-każijiet mhumiex ta' nies li ġejjin minn barra l-pajjiż imma każi ta' tixrid fil-komunità. 

Il-Prim  Ministru ta' Victoria Daniel Andrews qal illi n-nies ma jistgħux jitilqu minn dan l-istat u qal li kull min ikollu s-sintomi m'għandux imur għax-xogħol.

"Ma nistgħux nibqgħu sejrin hekk.  Inkella dawn ir-restrizzjonijiet se jdumu aktar milli suppost idumu u, jiddispjaċini ngħid, naraw aktar nies imutu, speċjalment anzjani," qal Andrews.

More in Politika