Therese Comodini Cachia ddikjarat li se tkun qed tikkontesta l-elezzjoni għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Irrapportat dan il-gazzetta oħt BusinessToday biex hekk, sa issa, apparti Delia, Comodini Cachia kienet l-uniku kandidata prospettiva li kkommettiet ruħha li se tikkontesta.
Comodini Cachia kienet magħżula mid-Deputati li sfiduċjaw lil Delia biex tmexxi l-Oppożizzjoni iżda l-President tar-Repubblika ma kienx neħħa lill-Kap Nazzjonalista minn Kap tal-Oppożizzjoni.
Għal aktar minn darba, Comodini Cachia saħqet li se tibqa’ “katalista” tal-bidla fil-Partit Nazzjonalista.
Jidher li Comodini Cahia se tkun qed tikkontesta minkejja li d-Deputat ribelli għaddejin b’diskussjonijiet biex ikun hemm biss kandidat wieħed li jikkontesta kontra Adrian Delia, bil-favoriti huma l-Ewroparlamentari Roberta Metsola u l-Avukat Bernard Grech. Mark Anthony Sammut ukoll qed ikun ikkunsidrat.
Sorsi li tkellmu mal-BusinessToday qalu li d-Deputati jridu lil xi ħadd li jista’ jirbaħ kontra Delia, jgħaqqad lill-Partit u jagħti lill-PN ċans fl-elezzjoni ġenerali li jmiss.
L-istess gazzetta qalet li d-diskussjonijiet mhux qed ikunu faċli anke għax ħadd mill-kandidati għadu ma kkommetta lilu nnifsu.
Jekk ikun hemm biss żewġ kandidati, ma jkunx hemm bżonn li jissejjaħ vot fil-Kunsill Ġenerali, fejn Delia għandu żgur l-appoġġ ta’ 44% tal-kunsilliera.
F’każ li jkun hemm biss żewġ kandidati, l-għażla tmur direttament f’idejn it-tesserati tal-Partit Nazzjonalista.
“Id-Deputati ribelli jafu li jekk ikun hemm ħafna kandidati, il-voti ta’ dawk li huma kontra Delia se jinqasmu,” insistew is-sorsi li tkellmu mal-BusinessToday.
L-applikazzjonijiet għal dawk interessati li jikkontestaw l-elezzjoni se tagħlaq nhar it-Tnejn li ġej.