L-Assoċjazzjoni Medika Malta rtirat id-direttiva dwar l-operazzjonijiet, biex issa anke dawk li mhux urġenti u li mhux relatati mal-kanċer, jistgħu jerġgħu jibdew isiru. Madanakollu, għalissa, id-direttivi marbuta mal-Outpatients jibqgħu fis-seħħ.
Fi stqarrija, il-MAM saħqet li kellha kuntatt mad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u ntlaħaq qbil li d-direttiva tal-operazzjonijiet tieqaf min-nhar it-Tnejn 10 ta’ Awwissu.
Dan wara li l-Gvern ħabbar restrizzjonijiet ġodda biex tkun ikkontrollata l-imxija tal-Covid-19. Anke jekk il-MAM ma qablitx ma’ kollox, saħqet li qed tagħmel dan bħala ġest ta’ rispett lejn il-pazjenti.
Il-MAM qed tilqa’ l-fatt li l-Gvern qed jirrikonoxxi li s-sitwazzjoni preżenti hija problematika u li anke se jkun hemm infurzar fuq l-ilbies tal-maskri fejn meħtieġ.
Madanakollu, il-MAM mhux qed taqbel li attivitajiet tal-massa jitħallew isiru b’massimu ta’ 300 persuna fuq barra u 100 persuna fuq ġewwa. Fi kliemha, xorta waħda jibqa’ r-riskju tat-tixrid.
Il-MAM se tkun qed issegwi s-sitwazzjoni u anke timmonterja l-infurzar qabel twaqqaf il-bqija tad-direttivi.