Il-Ministru tal-Edukazzjoni jinsab taħt pressjoni enormi mill-ġenituri, speċjalment dawk bi tfal b'diżabilità dwar il-ftuħ tal-iskejjel, qalu sorsi mill-Gvern lil din il-gazzetta. L-istess sorsi qalu illi dan is-suġġett qed jinwkieta mhux biss lil Bonnici iżda lill-Gvern kollu hekk kif filwaqt li n-numru ta' każi ta' Covid-19 komplew jiżdiedu, qed toqrob ukoll id-data tal-ftuħ tal-iskejjel. Għalkemm mhux kwantifikati xi ġenituri diġa' qed jisħqu illi jekk jiftħu l-iskejjel bin-numri telgħin kif inhuma, mhux se jibagħtu lil uliedhom fl-iskola, xi ħaġa li fil-fatt hija llegali.
Oliver Scicluna mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilità kkonferma dan it-tħassib u biżà għalkemm iċċara li mhux kulħadd huwa l-istess u li għal ħafna tfal mhux vulnerabbli medikament, l-iskola hija bżonnjuża.
Is-sorsi li tkellmu ma' din il-gazzetta qalu illi minkejja li l-inkwiet jista' jkun iġġustifikat il-pjan biex l-iskejjel jiftħu fl-aħħar ta' Settembru għadu fis-seħħ.
Sorsi li tkellmu magħna viċin il-Ministru Bonnici qalu illi minkejja li n-numri huma li huma, sa issa u "fortunatament ħafna mill-każi ġodda issa jibdew ifiequ bil-każi li jkollhom bżonn sptar fil-fatt - sa issa - ikunu ftit li xejn. Dan allura jfisser illi kif inhuma l-affarijiet bħalissa qisna qed nitrattaw l-influwenza."
Jiena nittama li l-iskejjel jinfetħu u jkun hemm il-miżuri preventivi bżonnjużi
Oliver Scicluna KNPD
Jidher illi Bonnici qajjem ukoll dan is-suġġett fl-aħħar laqgħa tal-Kabinett fejn saħaq dwar l-importanza li n-numri ta' każi ġodda jistabilizzaw ħalli b'hekk il-ġenituri jkunu jistgħu jibagħtu lil uliedhom l-iskola b'moħħhom mistrieħ.
Jidher illi l-Ministeru tal-Edukazzjoni għandu kull xenarju ppreparat u lesta sillabi sa Jannar f'każ li jkun hemm bżonn jingħalqu xi klassijiet jew skejjel, biex dawk l-istudenti jaqilbu fuq dak is-sillabu.
"Is-sentiment ġenerali iżda fost l-edukaturi u anke ġenituri huwa li jittamaw li l-iskejjel jiftħu. Wara kollox jekk nagħmlu sena bla vaċċin, x'nagħmlu? Nagħmlu sena bl-iskejjel magħluqin?"
Is-sorsi li tkellmu ma' din il-gazzetta temmew jgħidu illi sakemm ir-rata ta' fejqan mill-Covid-19 tibqa' għolja ħafna, kif inhi, il-virus jibqa' taħt kontroll . Din fil-fatt hija n-narrattiva tal-Gvern hekk kif espressa wkoll mill-Prim Ministru Robert Abela din il-ġimgħa.
Tal-istess fehema huwa Scicluna li qal illi diġà kien hemm min intilef mis-sistema edukattiva, inkluż studenti b'diżabilità. Fakkar illi ċerti attivitajiet ma jistgħux jsiru id-dar speċjalment għal dawk l-istudenti li għandhom l-isfida tal-awtiżmu jew nuqqasijiet intelletwali. "Jiena nittama li l-iskejjel jinfetħu u jkun hemm il-miżuri preventivi bżonnjużi," temm jgħid Scicluna.
Il-kwistjoni tal-iskejjel potenzjalment tista' tkun l-aktar waħda taħraq u li mistennija tkompli titfa' aktar pressjoni fuq Bonnici jekk in-numri jkomplu jiżdiedu. Dan għaliex l-iskejjel huma marbutin ukoll max-xogħol u allura skejjel magħluqin jafu joħolqu diżastru loġistiku għall-ġenituri fejn dawn it-tnejn jaħdmu.