118-il immigrant jiddaħħlu Malta wara li jiġu salvati fis-SAR ta' pajjiżna

10 nisa, waħda minnhom b'tarbija u ħamest itfal fost dawn il-118

(Arkivji)
(Arkivji)

Fl-aħħar sigħat il-Forzi Armati ta’ Malta salvaw 118-il immigrant irregolari li kienu qed jegħrqu fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ Maltija, fosthom għaxar nisa, waħda minnhom b’tarbija tat-twelid u ħamest itfal.  Dan ikkonfermah il-Gvern b'rapporti jgħidu li l-immigranti ddaħħlu Malta fis-6:00 p.m.

F’messaġġ fuq il-midja soċjali, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri spjega kif fl-ewwel seba’ xhur ta’ din is-sena l-awtoritajiet Libjani interċettaw madwar 7,000 persuna. Għaldaqstant, il-Gvern qal Camilleri huwa kommess li jkompli jikkopera mal-awtoritajiet Libjani biex jipprevjeni aktar wasliet u jnaqqas it-telf ta’ ħajjiet fil-Mediterran.

Huwa saħaq kif waħda mill-prijoritiet ewlenin ta’ dan il-Gvern hi li jsaħħaħ is-sistema tar-ritorn. "F’dan ir-rigward, il-Gvern qed jieħu passi biex min ma ħaqqux jibqa’ fil-pajjiż jintbagħat lura. Dan filwaqt li se tkompli l-ħidma fuq ir-rilokazzjoni ta’ immigranti lejn stati membri oħra tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, in-numru ta’ immigranti li se jiġu rilokati lejn stati membri tal-Unjoni Ewropea issa tela’ għal 450. Fl-aħħar ġimgħat meta reġgħu fetħu l-ajruporti ġew ir-rappreżentanti tal-pajjiżi rispettivi u fil-ġimgħat li ġejjin ser jintbgħatu numru konsiderevoli ta’ immigranti," temm jgħid il-Gvern.

More in Politika