L-eks PM u eks Mexxej Laburista Joseph Muscat jinsab fid-Depot fejn se jkun qed jiġi interrogat dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, assasinju li seħħ fl-2017 u akkużat bih hemm tliet irġiel - l-aħwa Degiorgio u l-Koħħu - kif ukoll Yorgen Fenech bħala l-mandant. Minkejja dan, implikat minn Fenech f'dan l-assasinju hemm Keith Schembri filwaqt li fil-kumpilazzjoni li nstemgħet sa issa jissemma' wkoll eks membru tas-sigurtà tal-istess eks Prim Ministru, Kenneth Camilleri. Melvin Theuma kien qal li Camilleri kien iltaqa' miegħu u akkuża lilu bil-qtil ta' Caruana Galizia.
'Dmiri lejn l-istat dejjem għamiltu u nibqa' nagħmlu'
Huwa u ħiereġ mid-Depot Joseph Muscat qal illi hu wieġeb il-mistoqsijiet kollha li sarulu u saħaq li l-Pulizija kkonfermaw illi fil-fatt hu mhux qed jiġi investigat fuq il-każ. Muscat qal lill-ġurnalisti illi l-mistoqsijiet kienu dwar affarijiet li kien qal Yorgen Fenech lura f'Novembru, meta allega illi Muscat kien staqsieh jekk Keith Schembri kienx jissemma' fir-rekordings ta' Melvin Theuma.
Muscat dakinhar kien ċaħad ma' The Times b'mod assolut li hu qatt qal dan. Mistoqsi għaliex jaħseb li l-Pulizija għajtulu illum fuq akkuża li saret f'Novembru u li hu ċaħad, Muscat qal "staqsu lill-Pulizija."
"Il-Pulizija qed tagħmel xogħolha kif għamlet dejjem sakemm jien kont Prim Ministru u dan saħansitra wassal biex ikun hemm żblokk importanti f'każ maġġuri, kuntrarju għal delitti kbar li saru qabel. Dmiri lejn l-Istat dejjem għamiltu u nibqa' nagħmlu," qal Muscat.
Huwa temm jgħid illi jekk il-Pulizija jkollhom bżonn xi għajnuna oħra dwar dan il-każ, "li ngħalaq taħti, u dwar kull każ ieħor, lest li nagħtiha."
Muscat dejjem ċaħad xi forma ta' involviment jew inkella għarfien dwar dan l-assasinju u kien sejjaħ bħala "gidba oxxena" dik tal-avukat u Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi li kien qal illi fil-fatt Muscat kien sejjaħ elezzjoni ġenerali minħabba li kien jaf b'dan l-assasinju.
Il-qtil ta' Caruana Galizia kien dannuż ħafna għall-Gvern ta' Muscat, tant li l-implikazzjoni fih tal-eks Chief of Staff f'Kastilja Keith Schembri wasslet biex Muscat jirriżenja minn Prim Ministru.