F'jum hekk importanti għall-Pulizija hekk kif kien arrestat dak li qed ikun meqjus bħala wieħed mis-suspettati bil-qtil ta' Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski f'Tas Sliema l-ġimgħa l-oħra, il-Ministru Byron Camilleri feraħ lill-Korp tal-Pulizija għal dan il-pass hekk importanti daqstant malajr.
"Ma tgħaddix ġurnata li l-Korp tal-Pulizija ma jurix il-livell qawwi ta’ kompetenza li għandu fi ħdanu. Mhux xogħol faċli. Mill-membri tal-Korp tal-Pulizija nitolbu minn kollox. Minn rapport dwar storbju żejjed sa operazzjonijiet tal-ikbar periklu bħalma rajna llum. Għadni kif kellimt lill-Kummissarju tal-Pulizija u raddejtlu ħajr f’isem il-poplu Malti tal-ħidma li qed issir," qal il-Ministru Camilleri.
Huwa sostna illi kif wiegħed mill-ewwel jum li sar Ministru l-Gvern se jaħdem, "biex il-pulizija jkollhom iktar riżorsi u riżorsi aħjar. Biex niksbu iktar riżultati milli ksibna sal-lum. Dan Korp tal-Pulizija li jaħdem. Ħaqqu kull appoġġ. Ħaqqu l-grazzi tal-poplu Malti."
'Dak li ġara llum jixhed l-ħidma professjonali tal-Pulizija' - Partit Laburista
Intant il-Partit Laburista qal illi l-operazzjon i tal-lum, "tixhed il-ħidma professjonali tal-membri tal-Korp tal-Pulizija li ta’ kuljum juru impenn u dedikazzjoni mill-ikbar biex iħarsu lis-soċjetà u l-pajjiż jasal għal ġustizzja meta jseħħu delitti serji. Il-Korp tal-Pulizija qed juri professjonalità fuq kull livell u għalkemm is-sitwazzjonijiet li jkun iffaċjat bihom jistgħu jkunu kumplessi, diffiċli u saħansitra perikolużi, qed jinkisbu r-riżultati."
Il-Partit Laburista appella lill-Gvern biex ikompli jipprovdi l-qafas li permezz tiegħu l-Korp tal-Pulizja u l-Korpi Dixxiplinati kollha jkomplu jissaħħu u jsiru iktar effiċjenti.
"Dak li seħħ illum huwa l-ikbar xhieda għaliex il-Korp tal-Pulizija, il-membri tiegħu u l-familji tagħhom jixirqilhom l-ikbar rispett ta’ kuljum. Il-Partit Laburista jroddilhom ħajr. "
Pajjiżna jixraqlu Korp effiċjenti u kommess' - Beppe Fenech Adami
Intant f'isem l-Oppożizzjoni l-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Intern faħħar u sellem lill-membri tal-Korp tal-Pulizija għall-operazzjo ni tal-lum.
"L-Oppożizzjoni ttenni li pajjiżna jixraqlu Korp tal-Pulizija li jkun effiċjenti, u kommess fil-ġlieda kontra l-kriminalità ġejja minn fejn ġej."