'Mingħajr aktar għajnuna se jibdew jitkeċċew il-ħaddiema fit-turiżmu' - GRTU u GWU

Hekk kif is-settur turistiku Malti kien milqut minn mewġa ta' kanċellamenti minħabba l-Covid-19, kemm Philip Fenech mill-GRTU u anke Josef Bugeja mill-GWU jgħidu illi jekk il-Gvern ma jestendix il-Wage Supplement ħafna negozji se jkollhom jgħalqu jew ikeċċu lill-ħaddiema

"Il-Wage Supplement lilhinn minn Settembru , għal ħafna operaturi li jaħdmu fit-turiżmu huwa kwistjoni ta' ħajja jew ta' mewt."  Hekk sostna l-President tas-Sezzjoni tat-Turiżmu u l-Ospitalità tal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji (GRTU) Philip Fenech ma' din il-gazzetta hekk kif is-settur dieħel bil-mod, il-mod lejn ix-Xitwa b'sorsi jgħidu lill-gazzetta ILLUM li numru ta' lukandi se jgħalqu għal dan l-istaġun, filwaqt li għax-Xitwa wkoll numri ta' ħaddiema se jitpoġġew fuq ġimgħa xogħol ta' tlett ijiem. 

Il-qagħda ħażina ta' ħafna operaturi fit-turiżmu kienet ikkonfermata  - din id-darba mill-ottika tal-ħaddiema  - is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers' Union Josef Bugeja li qal illi diversi lukandiera li jimpjegaw membri tal-GWU diġa' għamluha ċara "li jekk il-Gvern ma jgħinx se jkeċċu."

Bugeja qal illi minn diskussjonijiet li kellha l-union kien hemm numru ta' lukandi li kienu proġettati li se jkollhom okkupanza tajba f'Awwissu u f'daqqa dawk il-proġezzjonijiet sfaxxaw fix-xejn, malli n-numri tal-Covid-19 reġgħu żdiedu. 

Bugeja jfakkar illi t-turiżmu qala' daqqa kullimkien mhux Malta biss. 

Sorsi mill-Gvern qalu illi  - fid-dawl ukoll tal-fatt li din il-ġimgħa l-NSO ppubblika ċifri li juru illi fl-ewwel seba' xhur id-defiċit tela' għal aktar minn €1 biljun - qed isiru diskussjonijiet u qed tittieħed kunsiderazzjoni li tiġi estiża l-għajnuna permezz tal-Wage Supplement lilhinn minn Settembru meta l-iskema mħabbra mill-Gvern tieqaf. 

Huwa mifhum li l-iskema tal-Wage Supplement kienet kruċjali biex eluf ta' impjiegi setgħu jinżammu fi żmien fejn ħafna negozji ma setgħux jibqgħu jħallsu l-pagi jew il-biċċa l-kbira tagħhom. 

'Xhur ta' sfida'  

Philip Fenech ikkonferma mal-ILLUM li x-xhur tax-xitwa se jkunu "ta' sfida ... se tkun ta' sfida għal bosta lukandiera speċjalment dawk li m'għandhomx operati oħrajn biex jiffinanzjaw it-telf tagħhom mill-operat tal-lukanda.  Mingħajr estensjoni tal-Living Wage lilhinn minn Settembru se tkun diffiċli.  Anke biha se jkun diffiċli biex iżomm lill-ħaddiema," qal Fenech.  "Aħseb u ara mingħajrha.  Kif aħna bħalissa għall-inqas tipprova tillappazza biex iżomm l-operat." 

Dwar is-settur tad-divertiment Fenech sostna illi hawnhekk ukoll hemm min huwa magħluq minħabba r-regoli l-ġodda - bħal clubs, imma jgħid ukoll li hemm ħafna oħrajn li għalqu anke jekk setgħu baqgħu miftuħin.  "Kien hemm min  - u għandna numru ta' dawn in-negozji fit-turiżmu - minħabba l-capacity tagħhom ma baqax sostenibbli li jibqgħu miftuħin."

Fakkar illi l-ajruplani qed iwaqqfu jew inaqqsu t-titjiriet tagħhom għal ħafna postijiet u dan ifisser inqas turisti.

'Jekk jirnexxielna nniżlu n-numri u nżommuhom sostenibbli ... '

Intant Fenech qal illi l-għan ta' kulħadd fl-industrija bħalissa jinqasam fi tlieta:  L-ewwelnett li jiġu ċċekkjati kemm jistgħu persuni deħlin f'pajjiżna, imbagħad l-importanza li l-poplu jibqa' viġilanti u finalment li jitniżżlu n-numri b'mod li jibqgħu baxxi u sostenibbli. 
Fenech qal li ma nistgħux noqgħodu nilgħabu 'Snakes and Ladders', filli telgħin u filli neżlin u għalhekk saħaq illi huwa importanti li apparti li jinżlu n-numri inkunu qed noperaw b'mod li ma jerġgħux jiżdiedu ħafna. 

"Jekk dan isir u jirnexxielna nniżlu l-figuri tal-Covid-19 u nitneħħew mill-listi oranġjo (amber) ikun gwadann kbir," temm jgħid Fenech lill-gazzetta ILLUM. 

More in Politika