'Qisna aħwa' - Yorgen Fenech dwar iċ-chat bejnu, Keith Schembri u Joseph Muscat
L-Ispettur Kurt Zahra jgħid li Yorgen Fenech kien ipprova jimporta s-Cyanide, kimika perikoluża ħafna u li kapaċi toqtol persuna fi ftit sekondi
minn Yendrick Cioffi
Qed tkompli llum il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Yorgen Fenech, akkużat bħala l-mandant tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
Kompla jixhed l-Ispettur Kurt Zahra li qed jagħti d-dettalji tal-interrogazzjoni li l-Pulizija għamlet lil Yorgen Fenech u li fiha, l-istess Fenech, saħaq li l-moħħ ta' kollox ma' kien ħadd għajr Keith Schembri, l-eks Chief of Staff f'Kastilja.
Il-punti ewlenin mix-xhieda tal-lum tal-Ispettur Kurt Zahra:
- Yorgen Fenech, Joseph Muscat u Keith Schembri kellhom WhatsApp group bejniethom
- 'Qisna aħwa' - Fenech jiddeskrivi l-ħbiberija tiegħu ma' Muscat u Schembri
- Joseph Muscat kien imwissi li dak li se jgħid waqt l-interrogazzjoni jista' jintuża kontrih
- Fenech ipprova jġib Malta kimika tossika ħafna - Cyanide
- Mart Yorgen Fenech tgħid li nhar il-Ġimgħa sabet 'missed call' mill-mowbajl ta' żewġha li jinsab ikkonfiskat
Konferma li teżisti chat bejn Fenech, Schembri u Muscat
Għall-mistoqsijiet tal-Avukat Jason Azzopardi, li qed jidher għall-familja Caruana Galizia, l-Ispettur Zahra kkonferma li teżisti chat bejn Yorgen Fenech, Keith Schembri u Joseph Muscat (dak iż-żmien Prim Ministru). Skont Zahra, meta Fenech kien mistoqsi dwar dan, huwa wieġeb li "kienu bħal aħwa."
Fenech insista mal-Pulizija li l-eks Prim Ministru kien jaf dwar ir-recordings tal-intermedjarju Melvin Theuma u li kien staqsih dwarhom darbtejn, darba waqt ir-riċeviment tal-Girgenti u darb'oħra waqt laqgħa f'Kastilja.
Joseph Muscat qed jiċħad dan kollu.
Intant mistoqsi wkoll mill-istess Azzopardi dwar l-interrogazzjoni ta' Muscat, l-Ispettur ikkonferma li qabel beda jkun mistoqsi, Joseph Muscat kien imwissi li dak li se jgħid jista' jintuża kontrih u għalhekk kellu dritt ma jweġibx.
Aqra: 'Jiena weġibt il-mistoqsijiet kollha u huma kkonfermaw li mhux qed niġi investigat' - Muscat
Żewġ laqgħat ma' Joseph Muscat.
Zahra kompla jisħaq li skont dan li qal Fenech, huwa kellu żewġ laqgħat ma' Joseph Muscat f'Jannar tal-2019.
Fenech qal lill-Pulizija li f'waħda mil-laqgħat, Muscat staqsih jekk Melvin Theuma hux ta' min jafdah. Fenech qal li wieġbu "le" għax kien jaf li qed jirrekordjah.
Daphne nqatlet għal dak li kienet se tikxef
L-Ispettur Zahra insista, waqt ix-xhieda tiegħu li Daphne Caruana Galizia kienet irċeviet informazzjoni, fis-sena 2017, fosthom madwar 600,000 imejl dwar il-ftehim tal-Gvern mal-Electrogas (għall-bini tal-powerstation tal-gass).
"Għalhekk inqatlet għal xi ħaġa li kienet għadha se tikxef mhux għal xi ħaġa li kienet kitbet dwarha," saħaq l-Ispettur.
Fil-fatt saħaq li dan kollu huwa suġġett ta' investigazzjoni seperata li qed twettaq it-taqsima tar-reati ekonomiċi tal-Pulizija.
'Fenech ipprova jimporta s-cyanide'
Hekk kif kompla jwieġeb il-mistoqsijiet tal-Avukat Azzopardi, l-Ispettur Zahra żvela wkoll li l-investigazzjonijiet urew kif Fenech ipprova jimporta s-Cyanide, kimika li hija tossika ħafna.
Din tista' tintuża bħala velenu. Fil-fatt, kien velenu popolari mal-ispiji fit-Tieni Gwerra Dinjija.
Min jikkonsma din il-kimika jista' jmut fi ftit sekondi.
Madanakollu, l-Avukat Charles Mercieca oġġezzjona u insista li dan mhuwiex minnu.
Id-Difiża terġa' titlob għall-ħelsien mill-arrest
Intant, id-Difiża reġgħet talbet lill-Qorti biex tikkundisra l-ħelsien mill-arrest għal Yorgen Fenech.
L-Avukat Charles Mercieca insista li Fenech qed jinkisrulu d-drittiijet tiegħu meta qed jinżamm kontinwament arrestat il-ħabs.
"Qed nitkellmu dwar id-dritt tal-libertà. Dan huwa l-aktar dritt importanti u sagrosant li għandna," insista.
Id-deċiżjoni tal-Qorti dwar dan mistennija tittieħed għada.
Aqra wkoll:
Mart Yorgen Fenech tirċievi telefonata mill-mowbajl ta' żewġha meta dan jinsab ikkonfiskat