‘It-tfal u l-istudenti posthom fl-iskola u fil-klassi’ - Owen Bonnici
Il-ftuħ tal-iskejjel, it-tħassib tal-għalliema u l-ispejjeż għall-ġenituri ... il-gazzetta ILLUM tistaqsi lill-Ministru Owen Bonnici
minn Yendrick Cioffi
F’kummenti mal-gazzetta ILLUM, il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici insista li post it-tfal u l-istudenti huwa fl-iskola u li jkun ta’ ħsara għalihom kieku kellhom jagħmlu sena jew sentejn msakkra u ‘l bogħod mill-bankijiet tal-iskola.
“Jekk jiġri hekk uliedna se jbatu. L-edukazzjoni tagħhom se tbati u l-avvanz edukattiv tagħhom imur lura,” insista Bonnici.
Għalhekk, il-Ministru insista mal-ILLUM li fit-28 ta’ Settembru l-iskejjel tal-Istat se jiftħu l-bibien tagħhom għall-edukaturi u jumejn wara għall-istudenit.
“Se jkun ftuħ differenti mis-soltu għax se jkun suġġett għal miżuri ta’ prekawzjoni u salvagwardji li l-Gvern se jimplimenta għall-ħarsien tal-edukaturi u l-istudenti,” insista Bonnici.
‘Telf ta’ lezzjonijiet se jagħmel aktar ħsara mil-COVID’
L-ILLUM staqsiet lill-Ministru l-mistoqsijiet li għamlu magħna diversi għalliema u ġenituri mħassba dwar il-ftuħ tal-iskejjel.
Il-Ministru insista li diversi pajjiżi tal-Unjoni Ewropea diġà bdew jiftħu l-bibien tagħhom u dan fuq parir ta’ entitajiet internazzjonali bħalma huma l-Ġnus Magħqud, il-UNICEF u anke l-Għaqda Dinjija għas-Saħħa.
“Tobba awtorevoli fuq livell internazzjonali wissew li t-telf tal-lezzjonijiet jikkawża dannu ikbar lill-uliedna mill-COVID-19,” kompla Bonnici.
‘Ġew studjati x-xenarji kollha ta’ bħalissa u li jistgħu jinqalgħu’
Insista kif fl-aħħar xhur il-ħidma tal-Gvern kienet ibbażata fuq żewġ livelli, jiġifieri dak mediku fejn l-awtoritajiet tas-saħħa taw il-pariri tagħhom fuq il-prekawzjonijiet li għandhom jittieħdu u anke fuq livell edukattiv fejn ġew studjati metodi ġodda kif se jkun qed jitwassal it-tagħlim fiċ-ċirkostanzi l-ġodda u anke fix-xenarji li jistgħu jinqalgħu fix-xhur li ġejjin.
Mistoqsi x’se jiġri jekk ikun hemm għalliema li jirreżistu l-ftuħ tal-iskejjel jew jissejħu azzjonijiet industrijali, il-Ministru insista li l-Gvern żamm u se jkompli jżomm konsultazzjoni ma’ kulħadd.
‘Irridu nkunu sensittivi mal-ġenituri li qed jibżgħu jibagħtu lill-uliedhom l-iskola’
Hemm ukoll ġenituri li huma mħassba immens dwar is-sitwazzjoni u li mal-ILLUM insistew li mhux se jibagħtu lill-uliedhom l-iskola.
“Huwa d-dover tagħna li aħna nkunu qrib tal-ġenituri anke dawk li huma mħassba biex jibagħtu lil uliedhom l-iskola u allura ma jaqblux mal-pariri tagħna. Ma' dawn il-genituri li qed jibżgħu jibagħtu lil uliedhom l-iskola rridu niddjalogaw u nkunu sensittivi,” insista l-Ministru.
‘Min ma jixtieqx jixtri l-uniformijiet il-ġodda, għal din is-sena ma hemmx diffikultà’
Huwa fatt magħruf li din is-sena hemm min mar ħażin u naqaslu d-dħul tiegħu. Madanakollu, il-ftuħ tal-iskejjel iġib miegħu diversi spejjeż għall-ġenituri. Ġenituri li tkellmu mal-ILLUM staqsew x’se jiġri jekk imorru jixtru l-uniformijiet jew joħoru d-donazzjoni lill-iskola u ftit ġimgħat wara jerġgħu jisplodu l-każi u l-iskejjel ikollhom jagħlqu. L-ILLUM poġġiet dan it-tħassib quddiem il-Ministru.
Il-Ministru beda jitkellem dwar l-uniformijiet u fakkar, l-ewwel u qabel kollox, li l-uniformijiet il-ġodda se japplikaw biss għal erba’ klassijiet (l-entry years għal kull saffa tat-tagħlim, Kinder 1, Year 1 etċ).
“Biss għamilnieha ċara mal-iskejjel li dawk il-ġenituri li għal raġunijiet ġenwini u important ma jixtiqux li jixtru l-uniformijiet il-ġodda din is-sena, huma jistgħu jagħmlu użu mill-uniformijiet antiki. Ma hemm ebda diffikultà dwar dan,” kompla l-Ministru.
Dwar id-donazzjonijiet, partikolarment dawk mitluba mill-iskejjel mhux tal-istat, il-Ministru qal li jinsab konvint li l-iskejjel se jkunu qed jitkellmu u jiddjalogaw ma’ dawk il-ġenituri li jkollhom diffikultajiet.