L-eks Prim Ministru Joseph Muscat qal li jinsab infurmat li t-twissija tingħata bħala prassi fi proċedura użata mill-Pulizija.
Muscat qal dan b’reazzjoni għall-fatt li lbieraħ, l-Ispettur Kurt Zahra kkonferma fil-Qorti li Muscat kien interrogat taħt twissija. Fi kliem sempliċi, Muscat ġie mwissi li dak li se jgħid jista’ jintuża kontrih.
“Jien weġibt għall-mistoqsijiet kollha li saru mill-Pulizija, fejn kien hemm fatti ċari li jmeru l-kontenut tal-istatement li ngħata,” insista Muscat.
L-eks Prim Ministru tenna li huwa staqsa lil Pulizija jekk hux qed jiġi investigat dwar dan il-każ u kkonfermaw li mhuwiex.
“Dan kollu jista' jiġi vverifikat indipendentement minħabba li l-konversazzjoni ġiet irrekordjata mill-Pulizija,” insista Muscat.
Temm jisħaq li minkejja l-attakki li rċieva, jibqa’ l-fatt li hu għamel dmiru u wassal għal żblokk sinifikanti f’dan il-każ.
Yorgen Fenech qed jallega li l-eks Prim Ministru kien jaf dwar ir-recordings tal-intermedjarju Melvin Theuma u li kien staqsih dwarhom darbtejn, darba waqt ir-riċeviment tal-Girgenti u darb'oħra waqt laqgħa f'Kastilja.
Ilbieraħ ġie kkonfermat fil-Qorti wkoll li teżisti chat bejn l-istess Fenech, Muscat u Keith Schembri, bl-allegat mandant tal-qtil tal-ġurnalista jisħaq li t-tlieta li huma kienu qishom “aħwa.”