Id-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi għad għandu 200 permess attiv għal dawk in-negozji u l-kumpaniji li applikaw biex f’dawn iż-żminijiet tal-pandemija jnaqqsu xi kundizzjonijiet tal-ħaddiema, bħalma hija l-paga.
Ikkonferma dan, mal-gazzetta ILLUM, il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela li fakkar kif id-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi jagħti permessi għal tnaqqis ta’ kundizzjonijiet f’mumenti diffiċli bħala miżura temporanja biex il-ħaddiem ikun jista’ jinżamm u mhux jispiċċa bla xogħol.
Dawn il-permessi jkunu ngħataw wara li jkun hemm qbil mal-impjegati infushom.
F’April li għadda, il-gazzetta ILLUM kienet għamlet l-istess mistoqsija lid-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi u sa dak iż-żmien kien hemm 400 permess ta’ din ix-xorta.
‘Għandha nagħmlu l-aħjar użu mir-remote working’
Sa ftit tax-xhur ilu kienu diversi dawk il-ħaddiema li, fejn possibbli, kienu qed jaħdmu mid-dar tant li meta mistoqsija mill-gazzetta ILLUM, iż-żewġ unjins ewlenin, jiġifieri l-General Workers Union u l-UĦM Voice of the Workers kienu talbu biex ikun hemm qafas leġislattiv bil-għan li jkunu mħarsa d-drittijiet tal-ħaddiema li jaħdmu mid-dar.
Il-Ministru Abela kien ikkonferma li għaddejin id-diskussjonijiet mal-imsieħba soċjali. Mistoqsi fiex waslu dawn id-diskussjonijiet, il-Ministru Abela kkonferma li d-diskussjonijiet għadhom għaddejja, kemm fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Iżvilipp Soċjali u Ekonomiku (MCESD) iżda anke lilhinn minnu.
“Issa l-pass li jmiss huwa li d-diskussjoni tkompli u li ‘l quddiem ikun hemm kumitati li jiddiskutu kull kwistjoni separatament,” insista Abela.
L-ILLUM tkellmet ukoll mal-Ministru dwar il-fatt li diversi ħaddiema issa rritornaw fl-uffiċini u minkejja l-aħħar żieda fil-każi tal-COVID-19, li hija agħar minn dik fl-ewwel xhur tas-sena, bħal donnu hemm reżistenza minn min iħaddem dwar it-teleworking, anke jekk f’ħafna każi, fl-aħħar xhur, dan ħadem.
Sa ftit xhur ilu konnha qed ngħidu li din hija opportunità ġdida li ġiet forsi qabel iż-żmien u li ma għandhiex tintrema meta jgħaddi kollox. L-ILLUM staqsiet il-Ministru, responsabbli mir-relazzjonijiet industrijali, jekk Malta hux qed titlef opportunità li toħloq bilanċ bejn il-kompetittività tal-pajjiż u d-drittijiet u flessibilità ġdida għall-ħaddiema?
Aktar milli teleworking, il-Ministru Abela tkellem dwar ir-remote working u insista li hu jibqa’ tal-fehma li Malta għandha tagħmel l-aħjar użu minnu, speċjalment f’dawk il-każi fejn ikun jaqbel għaż-żewġ partijiet, jiġifieri kemm għal min iħaddem iżda anke għall-ħaddiema.
“Qed jintuża l-kliem remote working u mhux tele working għall-fatt li għall-kuntrarju tat-tele working, ir-remote working jista’ jsir minn kullimkien u mhux mid-dar biss,” insista l-Ministru.
Saħaq li f’dan ir-rigward, kemm il-Gvern u anke l-privat għandhom jesploraw din il-possibbilità u ma jħalluhiex taħrab minn taħt idejhom.
Insista li fis-settur pubbliku x-xogħol dwar dan beda minn qabel feġġet il-pandemija.
“Il-Gvern dejjem emmen u se jibqa’ jemmen fir-remote-working,” saħaq Abela.