Is-suppliment tal-paga u l-iskema tal-vouchers estiżi b'xahar

Ħabbar dan il-Prim Ministru Robert Abela li spjega kif reviżjoni ta' skemi eżistenti u aktar għajnuna lin-negozji u l-familji se jitħabbru fil-Baġit li se jsir f'Ottubru

Il-Prim Ministru Robert Abela kkonferma li s-suppliment tal-paga u l-iskema tal-vouchers se jkunu estiżi sal-aħħar ta' Ottubru.

Abela ħabbar dan meta dalgħodu kien qed jindirizza lill-membri tal-Kamra tal-Kummerċ.

Huwa spjega li s-suppliment tal-paga, li l-Gvern ħareġ għal dawk in-negozji l-aktar milquta ħażin mill-pandemija, se tkun estiża b’xahar. Anke d-data tal-iskadenza tal-vouchers tal-Gvern se tkun estiża sal-aħħar ta’ Ottubru.

Nhar il-Ħadd li għadda, kemm il-Kamra għall-Intrapriżi Żgħar u Medji u anke l-UĦM Voice of the Workers, saħqu mal-ILLUM li jekk il-Gvern mhux se jestendi l-għajnuna tiegħu, se jibdew jitkeċċew il-ħaddiema.

Il-Prim Ministru qal li aktar dettalji dwar l-istraterġija ekonomika fit-tul ta’ kif il-Gvern se jkun qed jilqa’ għall-impatt tal-pandemija se jkunu qed jingħataw fil-baġit li se jitħabbar ix-xahar li ġej.

Fi kliemu, il-Baġit se jkun qed jinkludi reviżjoni ta’ skemi eżistenti u aktar miżuri biex jagħtu appoġġ lin-negozji u lill-familji.

“Il-COVID-19 ma għandux ikun il-bidu ta’ miżuri ta’ awsterità,” saħaq il-Prim Ministru waqt li insista li miżuri ġodda se jkunu qed jitħabbru biex itejbu l-kwalità tal-ħajja, partikolarment għall-pensjonanti u dawk bi dħul baxx.

Dwar il-ftuħ tal-iskejjel, Abela qal li l-aħħar deċiżjoni ser tkun qed tittieħed skont “l-evidenza xjentifika” ippreżentata mill-awtoritajiet tas-saħħa.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, David Xuereb tkellem kemm fuq l-importanza tat-tisħiħ tas-saltna tad-dritt u anke l-istrateġija li Malta għandha bżonn biex tilqa’ għall-impatt tal-pandemija.

Filwaqt li rrikonoxxa li l-Gvern għamel bidliet importanti fejn tidħol il-governanza, insista li r-reputazzjoni tal-pajjiż waslet biex diversi kumpaniji sabuha diffiċli biex jifirxu l-ħidma tagħhom fi swieq internazzjonali.

Xuereb insista li t-tkabbir ekonomiku u l-kwalita tal-ħajja għandhom jimxi id f’id u importanti daqshom hija l-edukazzjoni u l-użu tat-teknoloġija.

More in Politika