L-akbar żidiet ta' każi ta' Covid-19 kienu fi clusters tal-familja, ħbieb u ta' kollegi - Gauci

Is-Supretendent Charmaine Gauci tfakkar fl-importanza li jinżamm l-iddistanzjar soċjali

(Arkivji)
(Arkivji)

Waqt li kienet qed tindirizza konferenza tal-Aħbarijiet  s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci qalet li fl-aħħar ġimgħat kien hemm żieda fil-clusters ta' membri tal-familji u ta' każi li joriġinaw minn laqgħat li jsiru bejn ħbieb u familja.  Cluster ieħor li żdied huwa dak tax-xogħol u allura kollegi li jagħtu l-virus lil xulxin. 

Gauci qalet illi għalhekk huwa importanti li meta niltaqgħu ma' membri ta' familja jew ħbieb, jekk ikollna s-sintomi, ma niltaqgħu xejn u li dejjem inżommu l-iddistanzjar soċjali u jintużaw maskri biex jitnaqqas ir-riskju.  Fakkret illi s-Sovvratendenza tat gwidi wkoll lil min iħaddem biex titnaqqas il-firxa tal-virus fuq il-postijiet tax-xogħol.

"Importanti li nibqgħu insegwu l-miżuri tal-iddistanzjar soċjali, filwaqt li aħna se nkomplu naraw li dawn qed jiġu osservati.  Żammejna in-nighclubs u discos magħluqin għaliex kien qed ikollna każi minn dawn il-postijiet u issa qed naraw ir-riżultati.  Importanti li nibqgħu nsegwu din il-miżura," qalet Gauci. 

Gauci fakkret illi hemm postijiet fejn huwa obbligat li tintlibes il-maskra - fosthom it-trasport pubbliku - u fakkret ukoll li hemm bżonn illi l-maskra tintlibes b'mod tajjeb. 

Dwar l-amber list Gauci tfakkar illi l-lista ta' pajjiżi huma; Ir-Rumanija, Spanja - specifikament,  Barċelona, Madrid u Girona, ir-Repubblika Ċeka u t-Tuneżija.  Meta persuna tasal minn wieħed minn dawn il-pajjiżi jew żoni, hija obbligata li tagħmel test qabel tidħol fil-pajjiż u jekk ma tkunx għamlet tista' tkun suġġetta għal wieħed malli tasal l-Ajruport Internazzjonali ta' Malta.

Intant dwar is-sitwazzjoni tal-aħħar 24 siegħa Gauci tgħid illi kien hemm 19-il każ ġdid lokali, 27 immigrant pożittiv għall-Covid-19 u 37 każ li fiequ (ara t-tabella). 

B'kollox hemm:  Sitt persuni fil-Unit għall-Mard Infettiv ta'  Mater Dei b'persuna waħda f'qagħda li mhux stabbli, żewġ persuni oħra f'wards f'Mater Dei,  persuna fl-ITU f'qagħda stabbli, sitt persuni fl-Isptar Boffa, 14 fl-Isptar St. Thomas u tmien każi attivi fl-Isptar Monte Carmeli. 

Hija qalet illi b'kollox hemm 11-persuna li tgħix Għawdesx illi hija pożittiva. 

Charmaine Gauci temmet tgħid ukoll illi minkejja illi jdher li n-numri reġgħu neżlin wara li żdiedu fl-aħħar ġimgħat, wieħed irid jistenna ftit żmien ieħor biex ikun jista' jiddetermina jekk fil-fatt l-agħar tat-tieni mewġa għadda. 

More in Politika