'Din il-ġimgħa sa kamra tas-sodda sħiħa kien hemm min rema' fit-triq'
Il-gazzetta ILLUM titkellem ma' tliet Sindki - Anthony Chircop ta' Tas-Sliema, Mario Calleja ta' Wied il-Għajn u Albert Buttigieg ta' San Ġiljan - dwar l-iskart, il-ġbir tiegħu, l-infurzar - jew aħjar in-nuqqas tiegħu - u l-kollezzjoni tal-ħġieġ ...
minn Albert Gauci Cunningham
L-iskart huwa problema u s-Sindki ta' Wied il-Għajn u speċjalment ta' Tas-Sliema u San Ġiljan jaqblu li din hija sfida kbira u li ċerti deċiżjonijiet mhumiex jgħinu, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam ma' infurzar.
Il-gazzetta ILLUM titkellem ma' Albert Buttigieg, Anthony Chircop u Mario Calleja.
'Suppost l-istabbilimenti jiġbrilhom l-iskart il-kuntrattur privat ... dan mhux iseħħ'
Buttigieg - Sindku ta' San Ġiljan - jisħaq li l-Kunsill Lokali għandu diffikultà fuq żewġ livelli. L-ewwelnett hemm il-fatt li stabbilimenti bħal ħwienet, take aways, ristoranti u aktar, fil-kuntratt għandhom stipulat kundizzjoni li jkollhom kuntrattur privat li jiġbor l-iskart tagħhom. "Dan mhux iseħħ u hemm numru sostanzjali ta' negozji li mhux isegwu dan l-obbligu," sostna Buttigieg.
Huwa spjega kif il-Kunsill ta' San Ġiljan kellu laqgħa mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u anke l-Ministeru għat-Turiżmu biex din is-sitwazzjoni tkun irranġata kemm jista' jkun malajr.
"Imbagħad hemm problema oħra. Il-kirjiet ta' durata qasira. Dawn l-inkwilini ħafna minnhom jiġu erbat ijiem biss biex jiddevertu, ftit li xejn se jkunu jafu u jinteressahom meta jgħaddi tal-iskart."
"U finalment hemm il-Maltin ukoll," jgħid is-Sindku ta' San Ġiljan. "Nies li ma jimpurtahom minn xejn u li jitfgħu l-iskart xħin jaqblilhom. Din il-ġimgħa sa kamra tas-sodda sħiħa kellna niġbru mit-triq u meta staqsejna qalulna għax riedu jeħilsu minnha," qal Buttigieg.
Allura x'inhuma s-soluzzjonijiet?
Albert Buttigieg jisħaq li hemm soluzzjonijiet: "L-ewwelnett li jsir l-infurzar biex ikun assigurat li l-ħwienet isegwu l-kuntratt tagħhom." Huwa jgħid li minkejja li jaf illi bħalissa, minħabba l-għafsa ekonomika riżultat tal-pandemija, tal-ħwienet għandhom problema, "imma ma jistax ikun illi biex insolvu problema, noħloqu oħra tgħal ħaddieħor."
Huwa jgħid illi fil-każ tax-short lets hemm bżonn li jkun hemm bidla biex ir-responsabilità titpoġġa fuq is-sidien. "Jiena meta sifirt żammewli depożitu u qaluli illi jekk inħalli żibel barra l-bieb jew ikollhom ilmenti dwar dan, jinżammli d-depożitu."
Huwa qal li ma jistax ikun li l-bankini jibqgħu jiġu ostakolati minn dawk li sejjaħ bħala 'muntanji ta' żibel' - l-ewwelnett minħabba aċċess - speċjalment għall-anzjani - u anke minħabba d-dehra, f'post turistiku bħal San Ġiljan.
"U ma nibqgħux inwaħħlu fil-barranin. Vera hemm barranin li huma maħmuġin, imma hemm Maltin ukoll. Hemm żoni fejn ma tantx hemm turisti u l-ħin kollu ħiereġ iż-żibel," jilmenta Buttigieg.
Is-Sindku Ġiljaniż itemm jilmenta wkoll dwar kif il-Wasteserv, skont hu, "għaddiet romblu" minn fuq il-Kunsilli Lokali, dwar deċiżjoni biex il-kontenituri tal-ħġieġ jitpoġġew biss f'kontenituri tal-plastik u daqshekk f'dawk tal-kartun kif kien qed jagħmel kważi kulħadd.
"Dan ifisser li se jkollna ħafna kontenituri tal-plastik jiġru fit-toroq."
Hu fakkar li tal-iskart ikollhom is-separators biex il-ħġieġ jitpoġġa f'separator u l-kartun f'ieħor.
'Liġijiet għandna kieku ... infurzar le'
Intant Chircop - is-Sindku ta' Tas Sliema - wkoll lmenta dwar din l-ordni ta' Wasteserv u qal li l-Kunsilli baqghħu joġġezzjonaw.
"L-aktar prattiku huwa li l-ħġieġ jitpoġġa fil-kartun kif ġara sa issa. Issa meta jbattlu l-kaxxa mill-ħġieġ se jħallu l-kaxxa tal-kartun hemmhekk. Naqra riħ u immaġina xi jkun hemm."
Chircop qal li ħafna minn nies mhumiex se jpoġġu l-kontenituri li kienu mogħtija mill-Gvern fil-bidu tal-iskema tas-separazzjoni tal-iskart, għax min ma għandux jispiċċa jeħodhom mit-triq. Fakkar, bħal Buttigieg u anke Calleja, li l-kuntratturi għandhom mod kif jiġbru l-ħġieġ u anke l-kartun u jisseparawhom.
Apparti din l-iskema iżda hemm problemi oħrajn bħal nies li joħorġu l-iskart fil-ħin ħażin?
Is-Sindku Slimiż jindika li mhumiex ftit il-problemi ta' nies li jitfgħu l-ħmieġ barra. "Problema kbira hawn ta' nies li joħorġu żibel fi ġranet ħżiena u taf għalfejn? Għax m'hawnx infurzar. Għamilna żmien kienu jiġu l-wardens," sostna Chircop.
Huwa jispjega illi kien hemm żmien fejn il-Kunsill stess kien iħallas għall-preżenza ta' warden iżda imbagħad, jgħid Chircop, il-Wasteserv u anke l-Ministeru tal-Ambjent kienu wegħdu li jkun hemm uffiċjali tal-infurzar. "Fl-ewwel ġimgħat deheru dawn u ħallew xi ftit effett, imma mabgħad daqshekk. U allura n-nies tabbuża."
Anthony Chircop jinsisti li l-poplu Malti mhuwiex iddixxiplinat u minkejja li hawn numru konsiderevoli ta' persuni ta' kuxjenza, "il-bqija ma jimpurtahomx."
Ifakkar ukoll illi hemm realtajiet differenti f'Tas-Sliema u postijiet simili b'ħafna appartamenti, għaliex l-infurzar ikun aktar diffiċli. "Inti mod ħriġrt borża taż-żibel fil-jum ħażin u tkun quddiem biebek u mod ieħor quddiem xi blokka ta' appartamenti."
"Liġijiet aġġornati għandna kieku - jonqos l-edukazzjoni u l-infurzar," temm jgħid Chircop mal-ILLUM.
'Jew għax ma jafuxc jew apposta'
Il-gazzetta ILLUM tkellmet ukoll mas-Sindku ta' Wied il-Għajn Mario Calleja li staqsa rettorikament għalfejn persuna għandha tarmi l-iksart f'ħin ħażin jew b'mod ħażin u saħaq illi dan probabbilment huwa għaliex ċerti nies ma jkunux jafu jew inkella, saħansitra, apposta.
Huwa fakkar li s-sistema tas-separazzjoni tal-iskart bdiet lura s-sena l-oħra u fil-każ ta' Wied il-Għajn nhar it-Tnejn, il-Ħamis u s-Sibt huma riżervati għall-borża s-sewda filwaqt illi t-Tlieta u l-Ġimgħa jiġi miġbur dak li huwa riċiklabbli.
Calleja jgħid illi minkejja kollox xorta jsir abbuż u taħlit.
Dwar l-obbligu li l-ħġieġ jintefa' f'kontenituri tal-plastik, Calleja qal li din mhux se taħdem u allura qed tinħadem soluzzjoni għal din il-lokalità sabiex il-kartun li jitħalla wara l-ġbir tal-ħġieġ ma jdumx fit-toroq.
Is-Sindku ta' Wied il-Għajn fakkar illi t-trakkijiet tal-kuntratturi jkollhom is-separators u allura ma jistax jifhem għalfejn din id-deċiżjoni.
Is-Sindku ta' Wied il-Għajn fakkar illi l-Kunsill Lokali joffri 170 kontenitur madwar il-lokalità u servizz ta' kuljum ta' bulky refuse.