'Irrovinawli ħajti f'erba' minuti' - Dragomanski dwar il-qtil doppju f'Tas-Sliema

Viktor Dragomanski jgħid lill-Pulizja li Daniel Muka sabu dakinhar stess tad-delitt u hu ma kellux idea x'kienu se jagħmlu

Wieħed mill-irġiel akkużat bil-qtil doppju f’Tas-Sliema, li seħħ ix-xahar li għadda, qal lill-Pulizija li ż-żewġt irġiel l-oħra irrovinawlu ħajtu f’erba’ minuti.

Viktor Dragomanski ta’ 36 sena, deher illum quddiem il-Qorti hekk kif bdiet il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontrih wara li qed ikun akkużat li kien involut fil-qtil ta’ Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski.

L-akkużat qal lill-Pulizija li ż-żewġt irġiel l-oħra, fosthom Muka, li l-kumpilazzjoni kontrih bdiet il-ġimgħa li għaddiet, marru fuqu biex jgħinhom “fuq biċċa xogħol,” li hu aċċetta mingħajr ma staqsa x’kienet.

Dragomanski wissa lil Muka biex ma jużax l-arma tan-nar

Skont l-Ispettur James Grech, li xehed illum, Dragomanski qal lill-Pulizija li beda jinkwieta meta nduna li wieħed mill-irġiel l-oħra kien qed iġorr arma tan-nar.

Grech ikkonferma wħud mid-dettalji li xehed dwarhom il-ġimgħa li għaddiet fil-kumpilazzjoni kontra Muka. Huwa insista li t-tħarbit fid-dar kien wieħed minimu. Fakkar li kien hemm ftit deheb nieqes u li wħud minnu tqaċċat minn ma' għonq Pandolfino.

L-Ispettur qal li meta ġie arrestat, il-Pulizija tat il-parir lil Dragomanski biex jistenna avukat iżda hu insista li jirrakkonta mal-Pulizija dak li ġara minnufih.

“Irrovinawli ħajti f’erba’ minuti,” qal l-akkużat lill-Pulizija. 

'Ma kellix idea x'konnha se nagħmlu ... ridt naqla' xi ħaġa tal-flus'

Insista li dakinhar kien miexi bil-kelb f’Tas-Sliema meta Muka waqaf ħdejh bil-karozza (li kienet misruqa u li ntużat biex ħarbu minn fuq ix-xena tad-delitt) u qallu li kellu biċċa xogħol u xtaqu jgħinu fiha.

Huwa qal lill-Pulizija li ħa l-kelb id-dar u mar maż-żewġt irġiel l-oħra.

L-Ispettur qal li Dragomanski qalilhom li hu ma kellux l-iċken idea x’kienu se jagħmlu. “Innota li Muka kien qed iġorr arma tan-nar u wissih biex ma jużahiex,' kompla l-Ispettur.

L-akkużat qal lill-Pulizija li kien taħt xokk. Ammetta li kien hu li saq il-karozza u kien hu li għen lil Muka biex ibiddlu l-pjanċi tar-reġistrazzjoni.

Fejn saru jafu lil xulxin?

L-avukat Joe Giglio staqsa x’kienet ir-rabta bejn it-tlett irġiel qabel dan il-każ. Skont l-akkużat, huwa kien jaf lil Jasper Kristiansen (ir-raġel arrestat fi Spanja) aktar milli lil Muka.

Insista li hu kien jaħdem bħala uffiċjal tas-sigurtà f’Paceville u Kristiansen kien imur ta’ spiss fil-bar fejn hu kien jaħdem. Anke Muka kien imur fl-istess bar. 

Dragomanski qal lill-Pulizija li hu xtaq jaqla’ xi ħaġa tal-flus.

Dragomanski daħal fil-binja wara li ġew sparati t-tiri?

“Kien bilqiegħda fuq wara tal-karozza. Kollox kien diżorganizzat u kien qed jibża’ joħroġ. Wara li nstemgħu t-tiri huwa daħal ġewwa u kompla jisraq magħhom,” qal l-Ispettur.

Giglio staqsa għaliex Dragomanski daħal wara t-tiri. L-Ispettur wieġeb li l-akkużat ried biss jaqla’ l-flus.

Il-każ se jkompli fil-25 ta’ Settembru.

Aqra wkoll:

More in Politika