Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri nieda uffiċjalment l-Awtorità għall-Iżvilupp Reġjonali ta’ Għawdex.
Din l-awtorità se tkun qed tindirizza l-iżvilupp soċjoekonomiku ta’ Għawdex billi tirrakkomanda proġetti u policies li jħarsu b’mod wiesa’ l-bżonnijiet ta’ Għawdex u tippreżenta qafas għall-politika soċjoekonomika għal Għawdex.
Fil-kummenti tiegħu, il-Ministru Camilleri qal li l-Awtorità għall-Iżvilupp Reġjonali ta’ Għawdex se jkollha sehem ukoll fit-twettiq ta’ dawn il-proġetti u l-policies, u se tipprovdi fost oħrajn viżjoni li tgawdi l-appoġġ tal-partijiet interessati kollha li jiffurmaw is-soċjetà Għawdxija, fosthom il-gvern, is-settur privat kif wkoll entitajiet mhux governattivi.
Il-Ministru nnota li mill-2013 ’l hawn, Għawdex irreġistra tkabbir ekonomiku bla preċedent billi kiber b’rata medja annwali ta’ 9.2%. Madanakollu, stqarr li għad hemm ħafna potenzjal li jista’ jiġi sfruttat.
Spjega li permezz ta’ din l-awtorità, se jiġu indirizzati b’mod iktar urġenti u adegwat il-karatteristiċi ta’ Għawdex, l-aktar fosthom il-konnettività u użu aħjar tar-riżorsi, kemm naturali, finanzjarji kif ukoll dawk umani.
Il-President tal-Awtorità Michael Grech qal li l-Awtorità għall-Iżvilupp Reġjonali ta’ Għawdex se tkun qed tikkonsulta mal-gvern, mas-settur privat, mal-korpi kostitwiti u mal-organizzazzjonijiet mhux governattivi u mal-pubbliku inġenerali biex tipprepara u tippubblika Strateġija għall-Iżvilupp Reġjonali għal Għawdex. Wara dan, l-Awtorità se tkun qed timmaniġġja u tissorvelja l-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Mario Borg stqarr li barra minn hekk, l-Awtorità se tara li jsiru studji reġjonali dwar impatt fuq Għawdex għal kwalunkwe proposta nazzjonali li titqies li tista’ taffettwa lil Għawdex. Dan se jiżgura li l-karatteristiċi ekonomiċi, soċjali u ambjentali sinifikanti ta’ Għawdex jiġu kkunsidrati fi kwalunkwe strateġija nazzjonali, tfassil ta’ politika u ppjanar.