Repubblika twissi lill-Prim Ministru: 'Tindaħalx fl-inkjesta indipendenti fil-qtil ta' Daphne'

Repubblika tgħid li l-interessi partiġġjani tal-Partit Laburista mhumiex "baqra sagra" u li l-inkjesta għandha titħalla tinvestiga liberament

Repubblika fi stqarrija "bl-aktar mod ċar" avżat lill-Gvern li se tuża l-mezzi kollha possibbli biex tirreżisti kull theddida għall-indipendenza tal-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fi stqarrija l-għaqda sostniet illi l-kummenti tal-Prim Ministru Robert Abela li - skont hi - "indaħal fuq dak li deherlu hu  li mhux rilevanti fix-xogħol tal-inkjesta, u issa bil-whip tal-Grupp Parlamentari tal-Gvern li jrid jiskredita lill-imħallfin li jiffurmaw il-bord tal-inkjesta, jammontaw għal theddida tal-indipendenza tal-inkjesta."

Jekk l-evidenza turi li biex jisservew l-interessi partiġġjani tal-Partit Laburista, inqatlet ġurnalista, inkjesta indipendenti għandha titħalla fil-libertà li tistabilixxi dan ukoll Repubblika

L-għaqda fakkret illi l-aġġettiv “indipendenti” bħala deskrizzjoni tal-inkjesta Daphne Caruana Galizia, mhix inċidentali. "L-inkjesta trid tistħarreġ x’seta’ għamel jew m’għamilx il-Gvern li seta’ wassal għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, u x’seta’ għamel jew m’għamilx il-Gvern wara l-qtil biex issir magħrufa l-verità. Hu għalhekk neċessarju li l-inkjesta tkun indipendenti mill-indħil tal-Gvern."

Repubblika tfakkar ukoll li anke mill-proċess kriminali jirriżulta li hi l-fehma tal-prosekuzzjoni li l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia "għandu l-mottiv tiegħu fil-korruzzjoni li fiha kien involut il-gvern. U mill-inkjesta jirriżulta li l-aġir tal-gvern ħoloq atmosfera t’impunità li fiha setgħet tinqatel ġurnalista u min qatilha seta’ jaħseb li ma kien jiġrilu xejn."

Repubblika rreferiet għall-kummenti ta' Glenn Bedingfield ilbieraħ li implika li seta' hemm mottivi ulterjuri biex l-inkjesta ddum għaddejja forsi, "sakemm ikun jaqbel politikament lill-grupp ta’ Simon Busuttil."  B'reazzjoni sostniet li la dan hu eżami tal-imġieba ta’ Gvern u ta’ partit fil-Gvern, bilfors ikun proċess b’ramifikazzjonijiet politiċi. "L-interessi partiġġjani tal-Partit Laburista m’humiex xi baqra sagra. Jekk l-evidenza turi li biex jisservew l-interessi partiġġjani tal-Partit Laburista, inqatlet ġurnalista, inkjesta indipendenti għandha titħalla fil-libertà li tistabilixxi dan ukoll."

More in Politika