Minn Yorgen Fenech sal-ħlas tat-taxxi; Ir-rapport ta' verifika f'punti
Ir-rapport, 14-il paġna dwar Delia u żewġ paġni dwar Grech, jiġbed l-attenzjoni taż-żewġ kandidati dwar l-irregolaritajiet fil-ħlas tat-taxxa
minn Yendrick Cioffi
Il-Partit Nazzjonalista ppubblika r-rapport ta’ verifika li wettaq fuq Adrian Delia u Bernard Grech, iż-żewġ kandidati li se jkunu qed itellqu fl-elezzjoni għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista li r-riżultat tagħha se jkun magħruf nhar it-3 ta’ Ottubru.
Ir-rapport, 14-il paġna dwar Delia u żewġ paġni dwar Grech, jiġbed l-attenzjoni taż-żewġ kandidati dwar l-irregolaritajiet fil-ħlas tat-taxxa, bil-Kummissjoni Kandidati tisħaq li bħala politiċi huma għandhom jagħtu eżempju.
Dawn huma l-punti ewlenin tar-rapport.
Adrian Delia
- L-allegazzjoni ta’ Yorgen Fenech: Ir-rapport jisħaq li jekk ikun ippruvat li Delia vera kellu Whatsapp chat ma’ Yorgen Fenech u jekk baqa’ jkellmu anke wara li sar li kien is-sid tal-kumpanija 17 Black, dan ikun ifisser “nuqqas serju ta’ mġieba għaqlija” min-naħa ta’ Delia.
Il-Kummissjoni Kandidati tisħaq li Delia huwa minnu li Delia tkellem u saħansitra mar jiekol ma’ Fenech, dan se jnaqqas sewwa l-kredibbilità tiegħu u tal-PN fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni.
Sa issa Delia dejjem ċaħad li kien hemm kommunikazzjoni “ta’ relevanza” ma’ Fenech.
- Il-kont f’Jerset u l-FIAU: Din l-allegazzjoni ilha tiġri wara Delia minn qabel sar Kap. L-allegazzjonijiet li għamet Daphne Caruana Galizia jinvolvu pagament ta’ £1 miljun, liema flus (li allegatament ġejjin mill-prostituzzjoni f’Soho), għaddew mill-kont ta’ Adrian Delia għal kont tal-Bank f’Barclays f’Jersey.
Delia dejjem ċaħad li kien involut f’xi attività kriminali u insista li hu kien biss l-avukat tal-klijenti inkwistjoni, jiġifieri l-aħwa Bajada, fosthom Eucharist Bajada li ibnu kien miżżewweġ ma’ oħt Simon Busuttil.
Skont Daphne, Delia għandu jew kellu sehem f’kumpanija li s-sid tagħha huwa l-istess Bajada u li dan kellu appartament li allegatament jintuża għall-prostituzzjoni. Il-flus li kienu jinġabru kienu jgħaddu fil-kont f’Jersey u minn hemm għal kontijiet oħra.
Ir-rapport jisħaq li Delia kien għamel kuntatt mal-bank imsemmi biex ikun magħruf jekk dan il-kont eżistix u dan qatt ma kien ikkonfermat.
Il-Kummissjoni Kandidati saħqet li dawn l-allegazzjonijiet qatt ma ġew ipprovati iżda jekk dan iseħħ, Delia ma ma jkunx dehen li jkun Kap tal-Oppożizzjoni.
Mill-banda l-oħra, jekk Delia għandu raġun, ir-reputazzjoni tiegħu tkun ġiet imtappna inġustament.
- Il-qagħda finanzjarja: Dwar il-pożizzjoni finanzjarja ta’ Delia, ir-rapport jisħaq li l-Kummissjoni investigat it-taxxa li ħallas Delia fl-aħħar tliet snin. Huwa ppreżenta ittra mill-awtoritajiet tat-taxxa, datata Mejju 2018, li turi li huwa ma għandu l-ebda ħlas b’lura.
Madanakollu f’dokument ieħor li ppreżenta Delia, datat Lulju 2020, jidher li l-Kap tal-Oppożizzjoni għad għandu flus x’jagħti bħala ħlas tat-taxxa, interessi u pieni fuqhom.
Ir-rapport jikkonferma wkoll li Delia għandu loans li jlaħħqu madwar €600,000 iżda jisħaq ukoll li qed ilaħħaq mal-pagamenti kollha. Ir-rapport jgħid li skont Delia, jekk ibigħ proprjetà oħra li għandu, ikun jista’ jaqta’ ħafna mill-istess loan.
- Mġarr Developments Limited: Delia ddikjara wkoll li (flimkien mal-eks mara tiegħu) għandu ishma (9%) fil-kumpanija Mġarr Development Limited.
Din kienet fiċ-ċentru ta’ kontroversja lura fl-2017 minħabba li din kellha dejn ta’ €7.2 miljun u li Delia u s-shareholders l-oħra huma responsabbli għalih.
Bernard Grech
- L-evażjoni tat-taxxa: Din hija l-uniku ċanfira li qala’ Bernard Grech hekk kif il-gazzetta ILLUM kienet żvelat li l-kandidat għamel snin ħlas bi ħlas tat-taxxa b’lura.
Ir-rapport jikkonferma li Grech ħallas kollox imma turi t-tħassib tagħha għax dan sar wara diversi snin, żball li Grech stess ammetta.
Sal-lum, Grech għandu ma tax ġustifikazzjoni għaliex ma kienx qed iħallas it-taxxa u kien qal biss li ħallas kollox għax uża s-savings tal-familja.
Ir-rapport jisħaq ukoll li Grech falla milli jipprovdi lill-Kummissjoni l-istampa kollha dwar il-kwistjoni tat-taxxa.