39 każ ġdid ta' Covid-19; F'ġimgħa l-każi fid-djar tal-anzjani żdiedu b'117

Żewġ pazjenti jinsabu rikoverati fit-Taqsima tal-Kura Intensiva

Fl-aħħar 24 siegħa, Malta rreġistrat 39 każ ġdid ta' Covid-19 filwaqt li fiequ wkoll 18-il pazjent, biex issa l-għadd tal-każi attivi huwa ta' 621.

B'kollox, ilbieraħ, saru 2,632 test. 

Intant bħalissa hemm żewġ pazjenti li jinsabu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva.

Apparti dawn, f'Mater Dei hemm 19-il pazjent ieħor, għaxra jinsabu fl-Isptar Boffa u 12 fl-isptar St. Thomas.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, spjegat ukoll kif fl-aħħar ġimgħa, il-każi fid-djar tal-anzjani żdiedu b'117-il każ.

Fil-fatt, kompliet tiela' wkoll l-età medja tal-pazjenti pożittivi bil-Covid-19, li issa hija dik ta' 58 sena. Is-Supretendent fakkret li l-anzjani huma l-aktar vulnerabbli u għalhekk appellet biex dawn ikunu protetti.

Għalkemm l-għadd massimu ta' persuni li jistgħu jinġabru fi grupp huwa ta' 15, Gauci appellat biex kemm jista' jkun il-gruppi jkunu iżgħar għax aktar ma jkun kbir il-grupp, aktar jiżdied ir-riskju.

Appellat ukoll biex kemm jista' jkun, meta grupp ta' persuni jiltaqgħu, dawn jibqgħu fuq barra, anke f'gallarija jew bitħa, għax hemm inqas riskju li l-virus ikun trasmess.

Meta kienet qed tagħti ħarsa lejn l-aħħar grafika, il-Professur Gauci spjegat kif wara li Malta kienet laħqet quċċata fit-tieni mewġa, kollox qed jindika li l-każi reġgħu bdew jiżdiedu. Saħqet li din hija sitwazzjoni simili għal dik li qed tiżviluppa f'pajjiżi oħra Ewropej.

More in Politika