'Iż-żieda fit-trasmissjoni tal-Covid-19 tista' tfixkel il-ftuħ tal-iskejjel' - L-iskejjel tal-Knisja

Is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisrani saħaq li jekk ma jkunux jistgħu jiftħu fiżikament, is-sena skolastika xorta għandha tibda fid-data diġà stabbilità minn kull skola, b’lezzjonijiet online

Fi stqarrija maħruġa mis-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisrani ntqal li ż-żieda fit-trasmissjoni tal-Covid-19 fl-aħħar jiem tista’ tfixkel il-ftuħ tal-iskejjel b’mod sigur.

L-iskejjel tal-Knisja qed jinsistu li jekk ma jkunux jistgħu jiftħu fiżikament, is-sena skolastika xorta għandha tibda fid-data diġà stabbilità minn kull skola, b’lezzjonijiet online, live jew irrekordjati fost mezzi diġitali oħra, skont it-timetable tal-iskola.

“Il-lezzjonijiet jingħataw mill-edukaturi li jkunu qed jaħdmu mill-iskejjel tagħhom,” saħqet l-istqarrija.

Is-Segretarjat insista li l-iskejjel tal-Knisja qed jaħdmu qatigħ sabiex jiftħu u jilqgħu lill-istudenti u l-edukaturi f’ambjent kemm jista’ jkun sigur. 

“Qed isir ħafna xogħol u saru ħafna spejjeż biex jinħoloq dan l-ambjent. Barra minn hekk, l-iskejjel tal-Knisja għaddejjin b’diskussjonijiet kontinwi mal-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, u mal-Malta Union of Teachers,” kompliet l-istqarrija.

Is-Segretarjat qed jappella wkoll biex ikomplu jittieħdu l-miżuri kollha mill-awtoritajiet pubbliċi biex bis-sehem ta’ kullħadd jiġi żgurat l-ogħla livell ta’ sigurtà li jagħmilha possibbli li l-iskejjel jiftħu fiżikament għall-istudenti mill-aktar fis possibbli. 

More in Politika