Bernard Grech fi kwarantina wara li martu rriżultat pożittiva għall-Covid-19

Mart Grech tattendi f'gym fejn kien irriżulta każ pożittiv

Il-kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech kiteb fuq Facebook biex jgħid li martu, Anne Marie, irriżultat pożittiva għall-Covid-19.

Fi stqarrija, Grech qal li minn meta martu saret  taf li kien hemm każ pożittiv ta' persuna li tattendi fil-gym li tattendi hi, hija iżolat ruħha mill-ewwel u ħadet test li ħareġ negattiv.

Madanakollu, aktar tard, wara li sarilha test ieħor, hija  irriżultat fil-pożittiv.

"Waqt dan il-perjodu minn meta marti saret taf bil-każ pożittiv jiena ma kontx f’kuntatt magħha. Minkejja dan qiegħed nieħu d-deċiżjoni li minnufih niżola ruħi b’mod prekawzjonali u qed insegwi l-pariri tal-professjonisti mediċi li qed jassistuni," saħaq il-kandidat.

Minkejja li ma għandux sintomi Grech saħaq li għalissa, il-preżenza fiżika tiegħi f’din il-kampanja qiegħda tiġi sospiża.

"Sakemm jinħareġ aġġornament ieħor, is-sehem tiegħi f’din il-kampanja se jkun wieħed virtwali. Ser nagħmel dak kollu possibbli biex nibqa' f'kuntatt magħkom b'kull mezz possibbli f'dawn iċ-ċirkostanzi," temm jisħaq Grech

More in Politika