Membru li kien fuq il-Kumitat tal-Konċessjoni tat-Tender tal-VGH ammetta illi ħassu skomdu wara li żewġ offerti minn tlieta tneħħew mill-proċess tal-għażla.
Robert Borg xehed fil-Qorti iżda illi hu ma għamel xejn fuq it-tħassib tiegħu tal-fatt illi tnejn minn tliet offerenti kienu skwalifikati.
Hu kien qed jixhed fil-proċeduri miftuħin mill-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fi proċeuri biex jitwaqqa' l-kuntratt tal-Vitals Global Healthcare, liema konċessjoni mbagħad ngħatat lil Steward Healthcare.
Fix-xhieda tiegħu Manuel Castsagna, sieħeb fil-kumpanija Nexia BT, ukoll xehed. Castagna wkoll kien fuq il-Bord tal-Evalwazzjoni u sostna illi minkejja li l-kumpanija kellha biss €1,000 f'kapital, il-VGH tat biżżejjed provi li kellhom fondi biex il-proġett ikun jista' jimxi 'il quddiem.
Wara li spiċċat is-seduta Adrian Delia mar fil-Ministeru tas-Saħħa biex jistieden lill-Ministru Chris Fearne jiġġieled l-kuntratt tal-VGH miegħu. "Se nżommhom personalment kontabbli għal din il-konċessjoni li permezz tagħha, ta' kuljum, dawk li jħallsu t-taxxa qed jinsterqu ta' kuljum."