Delegazzjoni ta' Siemens ġejja Malta wara l-aħħar żviluppi fir-rigward tal-Power Station

Siemens għandha sehem ta' 33.3% fil-proġett tal-power station ... Gasan Group diġa' qal illi jrid jirtira s-sehem tiegħu

Il-grupp Siemens li għandu sehem fit-tmexxija tal-Power Station -  flimkien ma' Gasan, fost oħrajn -  se jkollu delegazzjoni f'pajjiżna illi se tevalwa l-pożizzjoni tagħha fil-proġett tal-Power Station wara l-aħħar żviluppi fil-pajjiż li raw lill-eks Chief of Staff f'Kastilja arrestat u bl-assi ffriżati, filwaqt illi lbieraħ il-Grupp Gasan ħabbar illi se jkun qed ifittex modi ta' kif jiritraw sehemhom minn dan il-proġett. 

Keith Schembri, martu u għexieren ta' kumpaniji kellhom l-assi ffriżati hekk kif Schembri, flimkien ma' Brian Tonna u Karl Cini minn Nexia BT kienu taħt arrest.  

Yorgen Fenech - l-akkużat bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia - kien direttur tal-Electrogas li hija magħmula minn GEM Holdings - magħmula minn Tumas Group u Gasan Group li għandha sehem ta' 33.3% fil-proġett.  Socar, il-kumpanija statali tal-enerġija mill-Ażerbajġan ukoll għandha 33.3% filwaqt li Siemens għandha l-istess ammont f'sehem.  Flimkien dawn jiffurmaw l-Electrogas, li bniet u qed tmexxi l-Power Station. 

Il-proġett tal-Power Station ilu f'kontroversja minħabba Fenech innifsu u allegazzjonijiet ta' $1.6 miljun li daħlu f'17 Black - b'emails juru illi dawn daħlu mill-Ażerbajġan, u allura l-pajjiż tas-Socar, u $200,000 oħra daħlu mill-Aġent Lokali tat-Tanker tal-gass.  Il-flus - $1.4 miljun b'kollox mill-Ażerbajġan tpoġġew fuq isem ta' persuna li taħdem bħala security f'sit ta' kostruzzjoni filwaqt li l-aġent lokali tat-tanker ċaħad illi huwa għadda dawn il-flus f'17 Black.

Malta intrabtet li tixtri l-gass mill-Ażerbajġan għal 18-il sena. 

17 Black kienet target client ta' Hearnville u Tillgate, il-kumpaniji fil-Panama li kienu fetħu ftit wara l-elezzjoni tal-2013 Konrad Mizzi u Keith Schembri, rispettivament. 

 

 

 

More in Politika