'Pattewhieli għax tkellimt' - Tingħata n-nar il-karozza tas-Sindku Belti Alfred Zammit
Dan kien l-aħħar inċident minn sensiela fil-Belt Valletta ta' karozzi li ngħataw in-nar
More in Politika
Dan kien l-aħħar inċident minn sensiela fil-Belt Valletta ta' karozzi li ngħataw in-nar
'Pattewhieli għax tkellimt.' Hekk saħaq mas-sit illum.com.mt is-Sindku tal-Belt Valletta, Alfred Zammit, hekk kif il-karozza tiegħu ngħatat in-nar tard ilbieraħ filgħaxija.
Zammit qal ma' dan is-sit li kien għadu kemm daħal fis-sodda, ftit qabel nofsilejl, meta nduna li xi ħaġa quddiem id-dar tiegħu ħadet in-nar.
Ftit tal-jiem ilu, ma' The Times of Malta, is-Sindku tkellem fuq kemm il-Beltin huma mbeżża' u dan minħabba sensiela ta' karozzi li ngħataw in-nar f'toroq differenti tal-kapitali.
Viżibilment emozzjonat u xxokjat, insista li issa, aktar minn qatt qabel, jista' jifhem dak li qed iħossu r-residenti.
"Qed jarawni nitkellem. Qed jarawna naħdmu u pattewhieli," insista s-Sindku.
Dawn l-attakki bdew f'Lulju li għadda. L-ewwel ma ngħatat in-nar kienet karozza fi Triq San Sebastjan. Dan kien is-27 ta' Lulju. L-għada, 28 ta' Lulju, kienu ngħataw in-nar karozzi oħra fi Triq il-Funtana (biswit il-Forti Sant Iermu).
Fil-5 ta' Awwissu, ir-residenti ta' Triq San Nikola qamu maħsuda wkoll għax karozza wkoll kienet qed taqbad. L-istess seħħ fid-9 ta' Awwissu fi Triq il-Lvant.
F'April kien hemm żewġ karozzi oħra, waħda wara Dar il-Mediterran, li nstabu ħuġġieġa waħda.
B'kollox, mill-bidu tas-sena, kien hemm sitta jew seba' karozzi fil-Belt li spiċċaw ħuġġieġa.
Apparti l-vettura tas-Sindku, kif ġara f'ħafna mill-każi l-oħra, hemmm vetturi oħra li kienu pparkjati fil-viċin li wkoll ġarrbu xi ħsarat.
Solidarjeta’ ma’ Alfred Zammit.
Posted by Christian Micallef on Thursday, 24 September 2020