Meta dalgħodu kien qed jitkellem fuq ir-Radju ONE il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar illi l-Wage Supplement - u allura l-miżura li permezz tagħha l-Gvern iħallas porzjon tal-paga li tista' tlaħħaq sat-€800 - se tiġi estiża għal wara Ottubru.
Meta kien qed iwieġeb dwar il-baġit il-PM Abela sostna illi għalissa ma jistax jgħid jekk huwa se jerġgħu jiġu maħruġa vouchers iżda fakkar li dawn kienu milqugħa tajjeb ħafna.
Fil-fatt bosta negozji qalu illi permezz tal-vouchers in-negozju tagħhom seta' jibqa' għaddej xi ftit f'perjodu illi fih turiżmu m'hawnx.
Huwa qal lil John Bundy, li kien qed jintervistah, illi mhux qed jeskludi li jerġgħu jinħarġu vouchers u qal li se jħalli din id-deċiżjoni għall-Baġuit.
Huwa ħabbar ukoll li l-Baġit se jiffoka ħafna fuq il-pensjonijiet, il-ħaddiema u dawk li waqgħu lura.
Fost pilastri oħra f’dan il-baġit, il-Prim Ministru semma l-infrastruttura, liema prinċipju se jkun imsejjes fuq it-titjib tat-toroq, l-iżvilupp taż-żoni industrijali tal-pajjiż, l-investiment barrani u l-ambjent.
Robert Abela saħaq fuq il-bilanċ tal-inċentiv lin-negozji u lill-ħaddiema.
“Se nkun it-tarka ta’ kull negozju onest f’dal-pajjiż, ta’ kull ħaddiem li jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum b’mod onest, mhu se nħalli lil ħadd iweġġagħhom. Nifhem li hemm min qed iħares lejn din l-istrateġija biex jipparalizza l-ekonomija tal-pajjiż u se jsib tarka b’saħħitha ħafna fija. Dan huwa Gvern li jemmen fil-ġid, fit-tajjeb tal-bniedem, li jkollna distribuzzjoni ekwa tal-ġid... Ilbieraħ mal-Grupp Parlamentari ppjanajna programm ta’ ħidma ambizzjuż. Aħna Gvern li jwiegħed imma li imbagħad iwettaq," qal Abela.