Il-Unjin għall-Edukaturi Professjonali (UPE) saħqet li l-ewwel jum għall-edukaturi fl-iskejjel kien ikkaratterizzat minn “paniku” għax fi kliemha, skont dak li qalulha l-membri tagħha, l-iskejjel tal-Istat mhumiex ippreparati biżżejjed biex jilqgħu lura lil-istudenti.
Fi stqarrija, il-unjin saħqet li l-membri lmentaw fuq klassijiet maħmuġa u nuqqas ta’ kkoordinament.
Ilmentaw ukoll li l-istaffrooms huma żgħar iżżejjed u li ma hemmx biżżejjed distanza bejn skrivanija u oħra. Hemm sitwazzjonijiet fejn fi staffroom waħda hemm 'il fuq minn 30 edukatur.
Il-UPE qalet ukoll li kien hemm LSEs li lmentaw magħha kif meta saru l-arranġamenti fil-klassijiet, huma ma tteħdux inkonsiderazzjoni u għalhekk ma hemmx post assenjat għalihom u skont il-protokolli mħabbra.
Il-unjin qed tilmenta wkoll dwar is-saħħa tal-internet, b'membri jilmentaw li ma setgħux ikomplu bix-xogħol tagħhom.
“Dan kollu ġie rrapportat fl-ewwel sigħat biss tal-iskola,” saħqet il-unjin.
Insistiet li se tkun qed issegwi s-sitwazzjoni u qed titlob lill-Ministru biex minnufih jara li jkunu indirizzati n-nuqqasiijiet kollha.
Qed titlob ukoll lill-edukaturi membri tagħha biex jinfurmawha dwar nuqqasijiet u sfidi li se jiltaqgħu magħhom.