Konrad Mizzi jitlef tliet libelli u jirbaħ wieħed kontra l-gazzetta In-Nazzjon
Konrad Mizzi tilef tliet libelli kontra Simon Busuttil, Beppe Fenech Adami u George Pullicino
More in Politika
Konrad Mizzi tilef tliet libelli kontra Simon Busuttil, Beppe Fenech Adami u George Pullicino
L-eks Ministru Konrad Mizzi tilef tliet libelli kontra Simon Busuttil, Beppe Fenech Adami u George Pullicino waqt li rebaħ ir-raba’ wieħed li kien fetaħ kontra l-gazzetta Nazzjonalista In-Nazzjon.
Mizzi kien fetaħ il-libelli wara dikjarazzjonijiet li saru fl-2014, jiġifieri li hu kien viċin uffiċjal tal-Enemalta li kien ingħata “trattament preferenzjali” meta kien akkużat li bagħbas smart meters.
Dak iż-żmien, Mizzi kien Ministru għall-Enerġija u kien fetaħ il-libell wara li In-Nazzjon kienet rabtitu ma’ dan il-każ.
Il-gazzetta kienet qalet li Louis Attard, deskritt bħala persuna “viċin ta’ Konrad Mizzi” kien ingħata trattament speċjali mill-Pulizija meta dawn kienu resqu diversi persuni b’akkużi simili għal tiegħu.
L-allegazjonijiet saru wara li Attard ma kienx akkużat b’serq aggravat u dan minkejja l-pożizzjoni għolja tiegħu fl-Enemalta.
Busuttil, li dak iż-żmien kien Kap tal-Partit Nazzjonalista, kien kompla ma’ dawn l-akkużi fuq TVM, l-istess kif għamlu Fenech Adami u Pullicino.
Attard kien ingħata sentenza sospiża wara li l-Qorti sabitu ħati li kien installa smart meter imbagħbas fid-dar tiegħu. Il-Qorti tal-appell kienet dawret din is-sentenza.
Kemm Pullicino u anke Fenech Adami kitbu fuq Facebook wara li Mizzi tilef il-libell, b'dan tal-aħħar jinsisti li allura kellu raġun jgħajjar lil Mizzi “korrott.”
Id-Deputat Indipendenti, Konrad Mizzi, min-naħa tiegħu, insista li l-Qorti tagħtu raġun meta qal li l-gazzetta Nazzjonalista gidbet fuqu.