380 serqa f'San Pawl il-Baħar biss mill-bidu tas-sena
Il-gazzetta ILLUM tippubblika ċifri ta' kriminalità f'San Pawl il-Baħar u Tas-Sliema fl-ewwel seba' xhur tas-sena. Alfred Grima, Sindku ta' San Pawl il-Baħar, jgħid illi qed isir progress anke permezz ta' diskussjonijiet mal-pulizija in ġenerali
minn Albert Gauci Cunningham
Fl-ewwel seba' xhur tas-sena kien hemm 381 serqa fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar, tista' tiżvela din il-gazzetta li għamlet eżerċizzju illi fih qed tanalizza r-rata ta' kriminalità f'żewġ lokalitajiet ta' Malta li huma kemm popolati ħafna, kif ukoll li fihom jgħixu numru kbir ta' barranin, filwaqt li huma popolari wkoll mat-turisti.
Il-gazzetta ILLUM bagħtet mistoqsijiet lill-Korp tal-Pulizija dwar ir-reati ta' serq u ta' ksur ta' paċi pubblika bejn Jannar u Lulju ta' din is-sena, fil-lokalitajiet ta' San Pawl il-Baħar - li tinkludi lil Buġibba, Qawra, Xemxija, Burmarrad u l-Wardija - kif ukoll fil-lokalità ta' Tas-Sliema.
Bejn iż-żewġ lokalitajiet, skont iċ-ċifri mogtħija lil din il-gazzetta mill-Korp tal-Pulizija hemm qabża sotanzjali fir-rapporti ta' serq li saru matul dan il-perjodu bi 381 serqa f'San Pawl il-Baħar jinqasmu kif ġej: L-akbar numru ta' serqiet kienu pick pocketing, jiġifieri serq minn bwiet jew basktijiet ta' nies. B'kollox kien hemm 158 serqa ta' dan it-tip fl-ewwel seba' xhur tas-sena.
Interessanti kif in-numri żdiedu jew naqqsu skont ix-xhur tal-pandemija b'34 u 44 każ li jirriżultaw f'Jannar u Frar rispettivament, kuntrarjament għal 16, 4, 5 u 10 każi ta' pickpocketing bejn Marzu u Ġunju. Il-każi tal-pick pocketing reġgħu telgħu għal 45 f'Lulju.
Is-serq minn toroq u postijiet pubbliċi ta' proprjetà privata jew pubblika, baqa' bejn wieħed u ieħor fl-istess livelli għal total ta' 177 serqa - 23 f'Jannar, 22 fi Frar, 22 f'Marzu, 25 f'April, 26 f'Mejju, 24 f'Ġunju u 35 każ f'Lulju.
Is-sitwazzjoni f'Tas-Sliema hija pjuttost differenti bin-numri jkunu ħafna inqas.
Fil-fatt fl-istess perjodu ta' żmien skont dawn iċ-ċifri f'din il-lokalità, wkoll turistika, kien hemm biss 13-il każ ta' serq minn fuq persuni u seba' serqiet minn toroq ta' oġġetti privati jew pubbliċi.
F'Ġunju fil-fatt f'Tas-Sliema ma kien reġistrat lanqas reat wieħed ta' serq.
Ksur tal-paċi pubblika: 21 każ kontra ħamsa
Intant din il-gazzetta staqsiet ukoll kemm kien hemm każi ta' ksur ta' paċi pubblika permezz ta' ġlied fit-toroq jew inkella permezz ta' modi oħrajn f'dawn iż-żewġ lokalitajiet.
F'San Pawl il-Baħar, matul dan il-perjodu, kien hemm b'kollox 21 każ ta' ksur tal-ordni u l-paċi pubblika, filwaqt li f'Tas-Sliema kien hemm każ wieħed biss ta' argumenti simili u erba' każi ta' mużika għolja.
Is-Sindku ta' San Pawl il-Baħar x'jaħseb? Qed isir biżżejjed?
Intant din il-gazzetta staqsiet lis-Sindku ta' San Pawl il-Baħar Alfred Grima dwar dawn iċ-ċifri u jekk huwiex sodisfatt bil-livell ta' sigurtà u preżenza ta' pulizija f'din il-lokalità.
Grima qal illi filwaqt li sodisfatt "kompletament" mhuwiex u li hemm x'għad irid isir huwa jinsab sodisfatt li "l-ilmenti tagħna qed jinstemgħu."
Grima jispjega kif wara laqgħat mal-Prim Ministru u l-Ministru tal-Intern, saru tliet laqgħat mal-ogħla uffiċjali fil-Korp tal-Pulizija illi fiha saret diskussjoni dwar it-triq 'il quddiem.
Huwa sostna illi l-Kunsill Lokali qed jaħdem mal-pulizija sabiex ir-residenti jkollhom is-serħan il-moħħ, sabiex it-tgawdija tkun responsabbli u reġa aċċenna kif għamel diversi drabi mal-ILLUM biex ma jkunx hemm sokor u storbju fit-toroq. Grima, flimkien mal-Kunsill li jamministra, qed jipproponu permezz ta' bye-law li jkun ipprojbit ix-xorb fit-toroq.
"Issa apparti minn kollox fit-toroq tagħna qed narawhom jaġixxu aktar il-pulizija tal-immigrazzjoni. Jiena dejjem għamiltha ċara li m'hemmx problemi bil-barranin, sakemm kulħadd - inkluż Maltin jiġifieri - isegwu l-liġi u kollox isir b'mod iddixxiplinat."
Fakkar ukoll li mal-lokalità qed iduru uffiċjali ta' infurzar f'dak li jirrigwarda Covid-19.
Dwar l-għassa fil-Qawra u t-tkabbir potenzjali tagħha f'sit differenti minn dak tal-lum, Grima qal illi sakemm ix-xogħol qed isir u qed taqdi l-bżonnijiet ma taffewahx daqstant.
Is-Sindku Alfred Grima temm jirringrazzja lill-Ministru tal-Intern u lill-uffiċjali kollha tal-Korp tal-Pulizija.