Skiet minn Delia wara li diversi persuni viċin tiegħu jirriżenjaw mill-PN

Spikka wkoll is-silenzju tal-Viċi Kap Nazzjonalista, David Agius li baqa' bla reazzjoni wara r-rebħa ta' Bernard Grech

Adrian Delia
Adrian Delia

Nhar is-Sibt li għadda, fl-ewwel reazzjoni tiegħu wara t-telfa fl-elezzjoni għall-Kap tal-PN, Adrian Delia appella għall-għaqda u anke għall-lealtà lejn il-Kap il-ġdid, Bernard Grech, waqt li wiegħed li se jkompli jaħdem aktar minn qatt qabel, iżda fl-aħħar sigħat diversi persuni viċin tiegħu għamlu kompletament bil-kontra u rriżenjaw mill-irwoli tagħhom fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.

Fost l-aktar riżenji li għamlu ħoss kien hemm dik ta' Louise Tedesco li rriżenjat minn kunsilliera tal-PN fil-Ħamrun u anke mill-irwoli kollha tagħha fuq Net Television. Irriżenja wkoll il-President tal-Forum tal-SMEs tal-PN, Andre Grech, li kien wieħed mit-tim tal-kampanja ta' Adrian Delia.

Dwar dawn ir-riżenji, fl-aħħar sigħat, is-sit illum.com.mt bagħat aktar minn messaġġ wieħed lill-eks Kap Nazzjonalista, biex jitolbu reazzjoni u anke appell għal dawn il-persuni li qed imorru kontra l-appell li għamel hu stess. Madanakollu, Delia baqa' ma weġibx dawn il-mistoqsijiet.

Ghadni kemm infurmajt lis- Segretarju Generali tal-Partit Nazzjonalista li, b'effett immedjat, qed nirrizenja minn kull...

Posted by Louise Tedesco on Sunday, 4 October 2020

Spikka wkoll is-silenzju tal-Viċi Kap Nazzjonalista, David Agius, li għall-kuntrarju tal-Viċi Kap Robert Arrigo baqa' bla reazzjoni wara r-rebħa ta' Bernard Grech u lanqas ma ddikjara, kif għamel Arrigo, li se jkun qed jibqa' Viċi Kap. Anke lil dan, dan is-sit bagħat jistaqsih jekk hux se jżomm il-kariga ta' Viċi Kap u jekk hux lest jaħdem ma' Grech.

Fost riżenji oħra li spikkaw matul il-ġurnata tal-bieraħ, kien hemm dawk ta' diversi kunsilliera tal-PN, fosthom Doriana Portelli, kunsilliera ta' Birżebbuġa, li insistiet li dak li seħħ lil Delia kien "inuman."

Irriżenjat ukoll Charmaine Aquilina, l-uniku kunsilliera Nazzjonalista fil-Marsa u Deborah Mifsud mill-Kunsill Lokali ta' Birkirkara.

Intant, ilbieraħ, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech qal li llum se jkun qed jiltaqa' ma' Adrian Delia biex jiddiskuti miegħu l-ħidma fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.

More in Politika