Mietet persuna oħra li kellha l-Covid-19 ... anzjana ta' 90 sena

Din hija l-40 persuna li mietet waqt li kellha l-Covid-19 minn Marzu

Il-Ministeru għas-Saħħa ħabbar li anzjana ta’ 90 sena mietet waqt li kienet pożittiva bil-Covid-19.

L-anzjana ddaħħlet l-Isptar Mater Dei fit-30 ta’ Awwissu u kienet ikkonfermata pożittiva għall-Covid-19 fit-30 ta’ Settembru. L-anzjana baqgħet tingħata kura fl-Isptar Mater Dei, fejn mietet tard ilbieraħ filgħaxija. 

Din l-anzjana hija l-40 persuna li mietet waqt li kienet pożittiva għall-Covid-19minn Marzu - bi kważi dawk kollha li tilfu ħajjithom fl-aħħar ġimgħat ikunu anzjani.  F'diversi djar tal-anzjani kien hemm firxa qawwija tal-virus b'dar partikolari fil-Fgura jkollha mal-113-il anzjan u anzjana bil-Covid-19 u diversi każi wkoll f'San Vincenz De Paule u numru ta' djar privati oħrajn. 

F'dawn l-aħħar jiem  - kif mistenni - beda jkun hemm ukoll l-ewwel każi ta' studenti u għalliema hekk kif bdew jinfetħu l-iskejjel mill-ġdid. 

Il-Ministeru għas-Saħħa, filwaqt li ta l-kondoljanzi lill-familjari tal-anzjana, jappella biex il-poplu jibqa’ jsegwi l-appelli tad-Dipartiment tas-Saħħa, fosthom il-ħasil tal-idejn ta’ spiss, id-distanza soċjali, u l-użu tal-maskra.

Intant fl-aħħar 24 siegħa l-awtoritajiet irreġistraw 47 każ ġdid filwaqt li fiequ 42 persuna biex  il-każi attivi reġgħu telgħu għal 522.  

 

More in Politika