Il-Ministru Silvio Schembri bid-dettalji dwar l-għotja ta' rifużjoni għal tiġijiet

Il-Gvern kien ħabbar miżura ta' għajnuna għal waqt il-pandemija lil dawk kollha li kienu għamlu arranġamenti għat-tieġ li ma setax isir minħabba restrizzjonijiet

Il-Ministru Schembri waqt il-konferenza tal-aħbarijiet
Il-Ministru Schembri waqt il-konferenza tal-aħbarijiet

Il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji ż-Żgħar Silvio Schembri ta dettalji dwar l-għotja ta’ rifużjoni għal depożiti mħallsa għal tiġijiet/ċerimonji tal-unjoni ċivili posposti minħabba l-pandemija Covid-19 bħala parti mill-pjan għar-riġenerazzjoni tal-ekonomija.

Il-Ministru Schembri spjega li għal din l-inizjattiva qed jiġi allokat baġit totali ta’ €2 miljun u l-iskema se tibqa’ attiva sakemm jispiċċaw il-fondi kollha.

“Il-koppji jistgħu jibbenefikaw sa €2,000 u l-applikant eliġibbli jista’ japplika għal għotja ta’ darba biss. Il-pagamenti se jiġu trasferiti  direttament fil-kont bankarju kif indikat mill-applikant fl-applikazzjoni,” qal il-Ministru Schembri.

“Bħala Gvern aħna nempatizzaw ma’ dak li kellhom jgħaddu minnu koppji li, minħabba ċirkostanzi straordinarji bħal dawn, ġew mgħobbija b’diversi spejjeż bla bżonn. Għalhekk, aħna fittixna modi biex inħaffu dik il-pressjoni finanzjarja żejda permezz ta’ din l-għotja ta’ rifużjoni. Diversi koppji kellhom saħansitra jfittxu post tat-tieġ ġdid, servizzi ġodda, u data ġdida tat-tieġ b’bosta jmexxu l-jum tat-tieġ tagħhom għall-aħħar kwart tas-sena, filwaqt li dan qed jagħmluh b’mod li jiżguraw li l-linji gwida stabbiliti mill-awtoritajiet tas-saħħa jkunu qed jiġu segwiti. Din l-iskema tmur lil hinn mill-iskemi eżistenti għall-koppji li se jiżżewġu peress li hija mmirata biss lejn koppji li tilfu d-depożiti tagħhom minħabba l-posponiment tat-tieġ tagħhom bħala konsegwenza tal-pandemija,” qal il-Ministru Schembri.

Ġie spjegat li l-applikanti u l-kriterji eliġibbli għal din il-miżura huma:-

- Koppji li ċ-ċerimonja tat-tieġ/unjoni ċivili tagħhom kienet oriġinarjament mistennija li ssir bejn it-8 ta’ Marzu 2020 u t-30 ta’ Settembru 2020

- Koppji li kellhom depożiti mħallsa fuq oġġetti u servizzi relatati maċ-ċerimonja tat-tieġ/unjoni ċivili tagħhom kif ippruvat mid-dokumenti ppreżentati

- Dawk li se jipprovdu s-servizzi għad-data l-ġdida tat-tieġ jistgħu jkunu differenti minn dawk ibbukkjati għall-ewwel data tat-tieġ.

Il-proċess ta’ applikazzjoni għandu jitwettaq kollu kemm hu online permezz ta’ sit elettroniku uffiċjali li permezz tiegħu l-applikanti għandhom jipprovdu dettalji tal-irċevuti tad-depożiti mħallsa, dettalji tar-riċevuta fiskali finali tal-oġġett u s-servizzi pprovduti, u kwalunkwe dokumentazzjoni oħra meħtieġa li tiġi sottomessa.

Id-dokumenti sottomessi jridu jinkludu:-

- Kopja tal-invoices u tad-depożitu mħallas

- Kopja tal-irċevuta fiskali finali ta' oġġetti u servizzi pprovduti

- Kopja tal-kuntratti oriġinali u l-emendi sussegwenti

- Dikjarazzjoni tal-bejjiegħ/min se jipprovdi s-servizz li d-depożitu oriġinali ġie miżmum.

L-applikazzjoni għandha tinkludi d-dokumentazzjoni u d-dettalji kollha meħtieġa u għandha tiġi sottomessa online lill-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Taxxi sa mhux aktar tard minn sitt xhur minn meta ġiet ippjanata ċ-ċerimonja taż-żwieġ/unjoni ċivili.

 

More in Politika