Biex ifakkru il-Jum Dinji tas-Saħħa Mentali ċċelebrat għada l-10 ta' Ottubru, l-Isqfijiet Maltin - l-Arċisqof Charles J Scicluna, l-Isqof ta' Għawdex Anton Teuma u l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi - ħeġġew lill-awtoritajiet biex jinvestu aktar fis-saħħa mentali, "partikolarment matul din l-emerġenza tas-saħħa globali u anke wara li tgħaddi, biex ħadd ma jibqa’ l-art."
L-Isqfijiet irrikonoxxew illi persuni li jaffaċċjaw sfidi ta’ saħħa mentali, u qrabathom, jistgħu jsibuha diffiċli ħafna. "Dawn l-isfidi għadhom iġorru stigma kbira. Nies bi problemi ta’ saħħa mentali jistgħu jitqiesu bħala ta’ rieda dgħajfa, u jistgħu jaslu biex jemmnu dan huma stess. Xi wħud jistgħu jħossuhom iżolati mill-komunità tagħhom, u forsi anke minn Alla."
L-Isqfijiet Maltin fakkru illi r-realtà hi li l-problemi ta’ saħħa mentali jistgħu jaffettwaw lil kulħadd, irrispettivament mill-età, razza, ġeneru, sfond soċjali, dħul eċċ. "Matul perjodi ta’ ansjetà u iżolament soċjali, bħalma ġara fil-pandemija preżenti tal-COVID-19, dawn il-problemi żgur li żdiedu."
L-Isqfijiet temmew jappellaw għat-talb kif ukoll biex kull min għandu problemi ta' saħħa mentali jintlaqa' dejjem, anke fil-Knisja.