Il-Gvern għamel kjarifika illi fiha sostna illi l-Miżieb se jibqa' aċċessibbli għall-pubbliku matul is-sena kollha "kif ilu għal 34 sena minn meta dan ġie mgħoddi lill-FKNK." Il-Gvern aċċerta wkoll li mhu se jinbidel xejn mis-sitwazzjoni preżenti ta' dan il-masġar.
"Ir-riservi tal-Miżieb u tal-Aħrax ilhom jiġu amministrati mill-FKNK sa mill-1986, jiġifieri għal dawn l-aħħar 34 sena taħt gvernijiet differenti. Il-Federazzjoni, permezz tal-membri u numru ta’ voluntiera dejjem ħadu ħsieb din iż-żona, ikkultivaw is-siġar u għamlu l-manutenzjoni ta’ kilometri ta’ ħitan tas-sejjieħ, ir-riżultat ta’ dan kollu jista’ jiġi apprezzat illum il-ġurnata għaliex f’dawn iż-żoni nsibu ammont kbir ta’ siġar endemiċi, flora u fawna naturali li jistgħu jitgawdew minn kull min imur f’dawn is-siti jew jgħaddi minn dawn iż-żoni," qal il-Gvern.
Il-Gvern iċċara li l-ftehim iffirmat ilbieraħ kien ippubblikat fl-intier tiegħu u "għaldaqstant diskors li dan il-ftehim huwa wieħed sigriet hija xi ħaġa li mhux minnha". Fl-istqarrija l-Gvern sostna wkoll li l-ftehim jiżgura wkoll li "l-passaġġi u t-toroq pubbliċi kollha jibqgħu miftuħa għall-pubbliku l-ħin kollu, il-picnic u l-camping sites se jkunu miftuħa bħal qabel filwaqt li se jinfetħu camping sites ġodda (qegħdin jiġu ppubblikati site plans), dan kollu filwaqt li se jkun hemm aktar obbligi ġodda fuq l-FKNK u se jkun hemm il-ħarsien tal-ambjent.
Il-Gvern iċċara wkoll li l-unika differenza bejn dan il-ftehim u oħrajn ma NGOs oħra huwa li filwaqt li Birdlife Malta qegħdin jingħataw ukoll għajnuna finanzjarja kull sena għall-amministarzzjoni u r-rapportaġġ taż-żona tas-Salini, kif ukoll numru ta’ impjegati tal-gvern sabiex jgħinu fl-immanġġjar ta’ dan is-sit, l-Aħrax u l-Miżieb ser ikunu amministrati mill-FKNK bl-ispejjeż kollha li dan jirrikjedi għal din il-ħidma – inklużi ż-żamma tal-abitat naturali, il-kura tas-siġar, il-manutenzjoni tal-ħitan tas-sejjieħ - tħallashom l-istess FKNK.
"Il-Gvern mhu ser ikun qiegħed joħroġ l-ebda spiża," temmet tgħid l-istqarrija.