Grech l-aktar b'saħħtu f'Għawdex u fit-Tramuntana; Abela jnaqqas drastikament fir-reġjuni Laburisti
L-aħħar stħarriġ tal-MaltaToday wera kif il-Prim Ministru Robert Abela u anke l-Partit Laburista qed inaqqsu drastikament il-fiduċja f'lokalitajiet bħaż-Żejtun, Birżebbuġa u Ħaż-Żabbar
minn Yendrick Cioffi
L-aħħar sondaġġ politiku tal-MaltaToday, ippubblikat ilbieraħ, wera kif il-Prim Ministru Robert Abela jibqa’ fdat aktar mill-Kap Nazzjonalista Bernard Grech f’ħamsa mis-sitt reġjuni tal-pajjiż, iżda jidher li naqqas drastikament il-fiduċja tiegħu fost ir-residenti tal-aktar reġjuni meqjusa Laburisti.
Mill-banda l-oħra, ġimgħa biss wara li ġie elett Kap Nazzjonalista, Bernard Grech huwa fdat aktar mill-Prim Ministru fir-reġjun tat-Tramuntana, li jinkludi lokalitajiet bħall-Mellieħa, il-Mosta, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar.
Meta mistoqsija lil min jafdaw l-aktar, 39.1% għażlu lil Bernard Grech filwaqt li 26.4% biss għażlu lil Robert Abela.
Bernard Grech, mill-banda l-oħra, huwa l-aktar fdat f’Għawdxin fejn hemmhekk kiseb trust rating ta’ 45.2%, anke jekk il-Prim Ministru għadu fuq quddiem b’54.8%.
Madanakollu, l-affarijiet ma tantx jidhru sbieħ għall-Prim Ministru Robert Abela f’dawk ir-reġjuni tradizzjonalment Laburisti.
Fil-fatt, fir-reġjun li jinkludi lokalitajiet ta’ Wied il-Għajn, iż-Żejtun, Birżebbuġa u lokalitajiet oħra madwar l-ajruport, il-Prim Ministru kiseb trust rating ta’ 53.1%, jiġifieri kważi 20% inqas minn kemm kiseb fis-sondaġġ ta’ Settembru.
Fir-reġjun ta’ madwar il-Port il-Kbir, li jinkludi l-Kottonera, il-Fgura, Ħaż-Żabbar, Raħal Ġdid u l-Belt Valletta, il-fiduċja fil-Prim Ministru naqset b’7%, għal 52.7%
Minkejja t-tnaqqis ta’ fiduċja fil-Prim Ministru f’dawn ir-reġjuni, ma jfissirx li Bernard Grech iggwadanja wisq. Fil-fatt, f’dawn ir-reġjuni, il-fiduċja tiegħu baqgħet l-istess kif kienet xahar ilu, jiġifieri 16.3% fin-nofsinhar u 27.2% fil-lokalitajiet ta’ madwar il-Port il-Kbir.
Meta wieħed iħares lejn l-istampa kollha, il-Prim Ministru Robert Abela jgawdi l-fiduċja ta’ 46.6% tal-elettorat, filwaqt li l-Kap Nazzjonalista jgawdi l-fiduċja ta’ 30.9%. It-trust-rating ta’ Abela huwa l-inqas li qatt kiseb minn meta sar Prim Ministru.
U kieku kellha ssir elezzjoni għada?
Is-sondaġġ wera kif kieku kellha ssir elezzjoni għada, il-Partit Laburista kapaċi jirbaħ b’maġġoranza ta’ 30,000 vot.
Anke jekk id-distakk jibqa’ wieħed sostanzjali, dan huwa ħafna inqas mid-distakk ta’ 57,000 li wera s-sondaġġ tax-xahar li għadda.
Fil-fatt, il-Partit Laburista naqqas kważi 5% mill-aħħar sondaġġ jew inkella 7.5% minn Lulju. Mill-banda l-oħra, minn Settembru, il-Partit Nazzjonalista żied l-appoġġ b’7% biex hekk għall-ewwel darba minn Mejju tal-2018, irnexxilu jmiss it-30%.
Jidher li f’ġimgħa, minn kemm ilu elett Kap Nazzjonalista, Bernard Grech irnexxielu jġib lura ammont konsiderevoli ta’ votanti li fl-2017 kienu vvutaw lill-Partit Nazzjonalista iżda li fl-aħħar xhur tant kienu tilfu l-fiduċja fil-PN immexxi minn Adrian Delia, illi kienu lesti ma jivvutawx.
Intant, kieku kellha ssir elezzjoni għada, il-Partit Laburista jirbaħ ir-reġjuni kollha, għajr dak tat-tramuntana. Madanakollu, lanqas hawn il-PN ma jirnexxilu jikseb maġġoranza assoluta. Fil-fatt, kieku kellha ssir elezzjoni, il-PN jikseb 36.9% filwaqt li l-PN jikseb 20.1% tal-voti.
Interessanti wkoll kif minkejja li Bernard Grech ħareġ l-aktar b’saħħtu f’Għawdex, kieku kellha ssir elezzjoni, l-Għawdxin jagħtu maġġoranza assoluta ta’ 52.4% lill-Partit Laburista. Il-PN jikseb 32.1% tal-voti.
Mill-banda l-oħra, il-PL jidher li qed ibati sew fin-nofsinhar tal-pajjiż u fir-reġjuni tradizzjonalment Laburisti.
Fir-reġjun li jinkludi l-lokalitajiet ta’ Birżebbuġa, Wied il-Għajn, Iż-Żejtun etċ, il-Partit Laburista jikseb 50.4%. Xorta maġġoranza, iżda ħafna inqas mis-soltu meta l-PL ġieli kiseb bejn 60 u 70% tal-voti.
Ma jfissirx lanqas li l-voti marru għand il-Partit Nazzjonalista. Fl-istess reġjun, il-PN jikseb biss 14.7% tal-voti, jiġifieri inqas mid-19% li ġab fl-aħħar sondaġġ.
Terġa’ u tgħid, il-Partit Laburista jmur agħar fil-lokalitajiet fin-nofsinhar tal-Port. Mistoqsija kif jivvotaw kieku kellha ssir elezzjoni għada, 44.5% jivvotaw lill-PL u 27.4% jivvotaw lill-PN.
Dan ifisser li f’xahar, il-PL tilef 6%, filwaqt li l-PN kiseb 16%.