Aġġornata | 'L-appell tiegħi lill-pubbliku huwa biex kulħadd jagħmel l-aħħar sforz' - Fearne

Il-Ministru Fearne saħaq li jifhem li hawn min ma jiflaħx aktar is-sitwazzjoni u l-miżuri tal-pandemija iżda saħaq li fi ftit xhur se jkun lest il-vaċċin

Chris Fearne
Chris Fearne

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne appella lil kulħadd biex jagħmel l-aħħar ftit sforz biex kulħadd isegwi l-miżuri imposti biex tkun ikkontrollata l-imxija tal-Covid-19.

F’kummenti lill-midja, il-Ministru Fearne saħaq li mill-informazzjoni li għandu f’idu l-Gvern, fix-xhur li ġejjin se jkun hawn il-vaċċin kontra l-Covid-19.

Irrikonoxxa li ħafna għajjew u ddejqu u għalhekk qed ikun hawn min ma jsegwix il-miżuri u jagħmel lilu nnifsu aktar xuttebbili għall-virus.

“L-appell tiegħi lil kulħadd huwa biex nagħmlu l-aħħar sforz,” insista Fearne.

Id-Deputat Prim Ministru rreaġġixxi wkoll għall-istqarrija maħruġa dalgħodu mill-Assoċjazzjoni Medika Maltija li wissiet li l-ITU dalwaqt ikun ippakkjat u ma jiflaħx aktar pazjenti.

Fearne fakkar li bejn April u Mejju li għadda, il-Gvern għamel bidliet strutturali f’Mater Dei biex ikun hemm aktar sodod tal-ITU disponibbli.

“Ninsabu lesti għall-eventwalità li jiżdiedu drastikament il-pazjenti li jkollhom jiddaħħlu l-isptar,” insista Fearne.

Fil-fatt, ikkonferma li t-tieni sala tal-kura intensiva bdiet tilqa’ l-pazjenti fil-ġimgħat li għaddew.

Mistoqsi wkoll dwar l-azzjoni industrijali tal-MUMN, fejn l-infermiera qed ikunu mitluba ma jagħtux il-vaċċin tal-influwenza, il-Ministru insista li din l-azzjoni hija sproporzjanata mat-talbiet li qed isiru mill-unjin.

L-MUMN ħabbret din id-direttiva u saħqet li se jibqgħu fis-seħħ qabel ma jkunu solvuti kwistjonijiet dwar il-leave u l-allowance għall-ikel tal-infermiera.

Insista li minn dejjem kien fuq quddiem nett biex jipproteġi d-dritt ta’ unjin li tipprotesta iżda saħaq li l-azzjoni tal-MUMN hija sproporzjonata. Fearne ilu xhur jappella lill-pubbliku biex din is-sena jitlaqqam kontra l-influwenza.

Madanakollu, aktar tard, Fearne ikkonferma li l-MUMN waqqfet id-direttivi tagħha.

Posted by Chris Fearne on Monday, 12 October 2020

Intant, id-Deputat Prim Ministru żar ix-xogħlijiet ta’ rinovar fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gżira.

Ix-xogħol se jkun qed isir b’investiment ta’ €1.2 milju u mistenni jkun lest sa’ Marzu.

More in Politika