Pete Buttigieg, is-Sindku Amerikan ta’ dixxedenza Maltija, se jkun parti mit-tim tranżitorju tal-President-elett tal-Istati Uniti Joe Biden
Missier Buttigieg, eks kandidat għall-elezzjoni Presidenzjali Amerikana, kien Malti.
Buttigieg kien ċeda l-kandidatura tiegħu fl-elezzjonijiet primarji biex jintagħżel il-kandidat tad-Demokratiċi, anke jekk kien mar ħafna aħjar minn kif kien jistenna.
Wara li rtira l-kandidatura tiegħu, Buttigieg kien ikkampanja favur Joe Biden.
Kemm is-CNN u anke kmamar oħra tal-aħbarijiet, irrapportaw kif Buttigieg issa huwa membru tat-tim tranżitorju.
Intant, waqt li l-President Donald Trump qed jibqa’ jinsisti li kien hu li rebaħ l-elezzjoni u se jkompli bil-proċeduri legali, il-President-elett Biden xammar il-kmiem u poġġa l-pandemija tal-Covid-19 fiċ-ċentru tal-ħidma tiegħu.
Fil-fatt, Biden waqqaf ukoll task force ta’ 12-il membru li se jkun qed jaħdem primarjament kontra l-pandemija.
It-tim tal-President-elett saħaq li Biden se jkun qed iżid it-testijiet u anke jagħmel l-ilbies tal-maskra mandatorju madwar il-pajjiż kollu.
Apparti minn hekk, flimkien mal-Viċi-President Kamala Harris, Biden waqqaf sit tat-tranżizzjoni u fih jisħqu li t-tim tagħhom se jkun qed jaħdem ukoll dwar l-ekonomija, kontra r-razziżmu u anke l-bidla fil-klima.