'Għadkom ma tafunix ... se nibqa' niġġieled lill-kriminali li ħakmu lill-pajjiż' - Azzopardi

Jason Azzopardi jikteb fuq Facebook wara li ssospenda lilu nnifsu mill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista u jirritorna b'għadd ta' allegazzjonijiet fuq il-PL

Id-Deputat Jason Azzopardi, ftit ħin wara li ssospenda lilu nnifsu mill-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista, kiteb fuq Facebook jisħaq li lilu ħadd mhu se jsikktu.

"Għadkom ma tafunix. Jien Pawlist. Nazzjonalist minn Raħal Ġdid. Kburi," kiteb Azzopardi.

Huwa ssospenda lilu nnifsu wara li l-gazzetta ILLUM żvelat kif Azzopardi kien qagħad f'kamra mħallsa minn Tumas Group fil-lukanda Hilton ta' Tel Aviv, f'Marzu tal-2017.

"Sakemm nibqa' b'saħħti jien naħlifilkom li ħadd mhu se jsikkitni jew jagħlaqli ħalqi u naħlef li nibqa' niġġieled il-kriminali li ħakmu l-pajjiż.

Insista li bħal kulħadd huwa wkoll għamel żbalji iżda saħaq li qatt ma għamel dak li għamlu politiċi tal-Partit Laburista.

Messagg ta’ ringrazzjament ghax ma nistax inlahhaq mal-messaggi li dehlin minn bosta biex jaghtuni kuragg jew...

Posted by Jason Azzopardi on Monday, 9 November 2020

"Li m’għamiltx hu li qatt ma xxaħħamt, qatt ma nxtrajt, qatt ma kilt il-kirxa mal-assassini u ħallelin, qatt ma qassamt flus il-korruzzjoni, qatt ma kelli noqgħod lura minn dmiri, qatt ma organizzajt hold ups, qatt ma stedint id-dar l-assassini li joqtlu b’kuntratt, qatt ma kelli kontijiet sigrieti, qatt ma kkonsmajt jew traffikajt droga, qatt ma organizzajt kuntrabandu ta’ miljuni ta’ sigaretti, u iktar, bħalma għandu l-Labour," insista Azzopardi.

Reġa' għamel l-allegazzjonijiet li għamel fl-aħħar jiem u akkuża lil eks uffiċjal tal-PL u eks Ministru Laburista li, fi kliemu, organizza s-serqa mill-kwartieri tal-HSBC. "Ngħidlu jien ma nibżax minnek. Jien ma nibżax mill-Mafja tiegħek. Jien ma nibżax mill-qattiela sħabek. Mhux għax jien speċjali," kiteb Azzopardi għalkemm baqa' ma qalx min hu dan l-eks uffiċjal u eks Ministru.

Huwa rringrazzja wkoll lil dak li bagħtulu messaġġ jagħmlulu kuraġġ. Azzopardi ssospenda lilu nnifsu sakemm tintemm l-intevistazzjoni li għaddejja mill-Kummissarju tal-Istandards u li talab Azzopardi stess.

More in Politika