Il-Ministeru għat-Turiżmu jisħaq li mhu se ssir l-ebda attività tal-massa fil-Milied

Il-Ministeru insista li se tkun qed tinħoloq atmosfera permezz ta' armar, mużika u korijiet żgħar biex il-familji jagħżlu l-Belt Valletta biex jixtru u jiklu fir-ristoranti

Il-Ministeru għat-Turiżmu, fi stqarrija bi kjarifika wara l-konferenza tal-bieraħ, saħaq li din is-sena mhux se jkun possibbli li jiġu organizzati l-avvenimenti tal-massa jew l-attivitajiet annwali li jsiru s-soltu waqt il-Milied.

L-istqarrija tisħaq li l-attivitajiet tħassru kollha, inkluż ‘Winter Wonderland’. 

"Għalhekk, kontra l-impressjoni li ngħatat minn xi wħud, ma hu minnu xejn li fil-Belt Valletta, jew f’xi lokalitajiet oħra, se jittellgħu xi parties jew serati ta’ divertiment," insistiet l-istqarrija.

Qal li b’konsultazzjoni sħiħa mal-kommunità kummerċjali tal-belt kapitali, l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta se żżejjen biss it-toroq ewlenin, se tinxtegħel is-Siġra tal-Milied, se jintrama l-presepju, kif ukoll se ssir projezzjoni ta’ dwal fuq il-faċċata tal-Palazz tal-President u fi Pjazza San Ġorġ. 

"Il-ħsieb tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta huwa li, permezz ta’ mużika, korijiet żgħar u arti performattiva, il-familji u t-tfal Maltin u Għawdxin li jagħżlu li jidħlu l-Belt Valletta biex jixtru r-rigali lill-qraba tagħhom jew biex jieklu fir-ristoranti matul dak il-perjodu, jkunu jistgħu jidħlu fl-ispirtu pożittiv tal-Milied," kompliet l-istqarrija.

Il-Ministeru qal li fuq direzzjoni tal-awtoritajiet tas-saħħa, dawn l-inizjattivi żgħar u fil-miftuħ se jkunu konformi b’mod assolut mad-direttivi u l-protokolli li jkunu fis-seħħ.

"Kull persuna li tidħol fil-Belt Valletta trid ukoll tirrispetta l-liġijiet eżistenti fosthom l-użu obbligatorju tal-maskri u d-distanza soċjali," kompliet l-istqarrija.

Aqra wkoll:

More in Politika