'Iva Jason Azzopardi żbalja imma xejn m'għandu jiddevja mill-ġlieda tal-PN għall-verità'

L-MEP Nazzjonalista u issa Viċi Kap tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola tgħid li se tkompli taħdem għall-poplu Malti u Għawdxi kollu

Is-Segretarju Ġenerali tal-PN Francis Zammit Dimech, l-MEP Roberta Metsola u l-Kap tal-PN Bernard Grech
Is-Segretarju Ġenerali tal-PN Francis Zammit Dimech, l-MEP Roberta Metsola u l-Kap tal-PN Bernard Grech

Meta kienet qed tirrispondi mistoqsijiet tal-ġurnalisti fid-Dar Ċentrali l-MEP Nazzjonalista u issa Viċi Kap tal-Parlament Ewropew Roberta Mestola qalet illi meta d-Deputat tal-PN Jason Azzopardi aċċetta ħlas ta' lukanda mill-Grupp Tumas, żbalja.  "Iva għamel żball u dwar dan huwa tkellem.  Imma xejn ma għandu jiddevja l-attenzjoni mill-ġlieda tal-Partit Nazzjonalista għall-ġustizzja u l-verità," sostniet Metsola. 

Kienet il-gazzetta ILLUM ta' nhar il-Ħadd li għadda li żvelat kif Azzopardi kellu l-lukanda tiegħu f'Tel Aviv fl-2017 mħallsa minn Tumas Group, li tagħha dak iż-żmien Yorgen Fenech kien Direttur. 

Intant Metsola, li kellha laqgħa mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech saħqet illi fil-kariga l-ġdida se tkompli tagħmel dak li qalet illi dejjem għamlet.  "Se nkompli nitkellem, iva, dwar is-saltna tad-dritt anke dwar pajjiżi bħall-Bulgarija."  Metsola kienet kritikata fil-Bulgarija minn dawk li kienu qed jipprotestaw kontra l-Gvern Bulgaru u mlaqqma' Miss Mafja, wara li ressqet emendi għal riżoluzzjoni dwar is-saltna tad-dritt fil-Bulgarija, emendi li kienu meqjusin illi se jdgħajfu r-riżoluzzjoni oriġinali. 

"Irnexxielna, bħala delegazzjoni tal-PN, nilħqu l-ogħla karigi minkejja t-tkasbir kontinwu tal-Gvern Laburista, għax verament qed naħdmu favur il-poplu Malti u Għawdxi kollu," temmet tgħid Metsola.

 

More in Politika