Illum tħabbru 103 każi ġodda ta' Covid-19 filwaqt li 123 pazjent ġew ikkonfermati mfejqa.
Dan ifisser li bħalissa, f'Malta, hawn 2,151 persuna li huma infettati bil-virus.
Ilbieraħ saru 3,189 test.
Mill-każi mħabbra ilbieraħ, 14 kienu qraba ta' pazjenti, tmienja kienu kollegi ta' persuni li ħarġilhom il-virus fl-aħħar jiem u tliet persuni ġew f'kuntatt dirett ma' pazjenti bil-Covid-19.
Kien hemm ukoll żewġ każi oħra importati.
Dan ifisser li l-maġġoranza tal-każi mħabbra lbieraħ, kif ġara fl-aħħar jiem, huma sporadiċi, jiġifieri ma jkunx magħruf minn fejn persuna ħadet il-virus, prova ta' kemm l-imxija għadha b'saħħitha fil-komunità.