L-għaqda Repubblika poġġiet 100 siġġu quddiem il-binja ta' Kastilja biex jitfakkru l-100 persuna li mietu waqt li kienu pożittivi għall-Covid-19 minn meta faqqgħet il-pandemija f'Marzu li għadda. Fuq kull wieħed minn dawn is-siġġijiet tpoġġew fjuri bojod.
F'messaġġ qasir Alessandra Dee Crespo, kelliema għall-għaqda Repubblika qalet illi minkejja l-ottimiżmu tal-Gvern "huwa ċar li wasalna fil-punt illi f'Marzu li għadda l-Gvern ried jevita akkost ta' kollox. Huwa ċar li s-servizzi tas-saħħa mhumiex ilaħħqu."
Dee Crespo sejħet bħala "ġenn" li l-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne - skont hi - ma kienx jaf bid-dettalji tal-attivtajiet li se jkunu qed jiġu organizzati f'postijiet bħall-Belt Valletta. " Lanqas jitwemmnu dawn l-affarijiet. Il-Gvern waqaf jisma' lit-tobba għax dak li qed jgħidu ma jdoqqx għal widnejh," temmet tgħid Dee Crespo.