Investiment ta' €500,000 għal double glazing għar-residenzi f'Birżebbuġa

Il-Ministru Julia Farugia Portelli tfakkar li d-doubla glazing u l-proġett shore-to-ship se jgħinu biex jonqos l-istorbju u t-tniġġis

Dalgħodu l-Gvern permezz tal-Ministeru għat-Turiżmu nieda uffiċjalment wegħda tal-Baġit 2021 li biha nofs miljun ewro se jkunu allokati fi skema ġdida għal double glazing f’Birżebbuġa.

Residenti f’Birżebbuġa se jibbenefikaw minn skema li permezz tagħha se jkunu jistgħu jibdlu aperturi esterni tar-residenzi tagħhom li huma antikwati jew ineffiċjenti biex b’hekk itaffu mill-inkonvenjent tal-ħsejjes kawżat mix-xogħol li jkun għaddej fil-Port Ħieles. L-iskema se ssir b’investiment totali ta’ €500,000 li se tkun ffinanzjata mill-Malta Freeport Corporation filwaqt li titħaddem mir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS). Permezz ta’ din l-iskema, li minnha mistennija jibbenefikaw mill-inqas 250 familja, il-Gvern se jkun qed jagħti lura lil dawn il-familji 90% tal-investiment. 

L-iskema tnediet waqt konferenza tal-aħbarijiet li ngħatat mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli u mill-Ministru għall-Enerġija u Immaniġġjar tal-Ilma Michael Farrugia.

Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li l-Port Ħieles huwa ta’ importanza kbira għall-ekonomija tal-pajjiż “imma huwa rikonoxxut li n-natura tax-xogħol li jsir fih joħloq element ta’ inkonvenjent, partikolarment fejn jidħlu ħsejjes u emissjonijiet mill-vapuri. Il-Gvern għaddej b’ħidma kontinwa biex dawn l-inkonvenjenzi jitnaqqsu kemm jista’ jkun. 

“Fil-baġit il-Gvern ħabbar żewġ proġetti: li se jibda l-proċess li jmiss biex fil-Freeport ikun hemm shore to ship , proġett li se jindirizza t-tniġġis fl-arja, u din l-iskema tad-double glazing li tindirizza l-problema tal-istorbju,” sostniet Farrugia Portelli. 

Hija qalet ukoll li din il-miżura mhix l-unika waħda li qed tittieħed biex jittaffew l-inkonvenjenzi. Il-Korporazzjoni tal-Freeport investiet f’apparat li jikkawża inqas ħsejjes filwaqt li  ġie installat apparat aktar modern u moniteraġġ kontinwu tal-ħsejjes bl-investiment ta’ dawk li jissejħu white noise alarms. Sadattant inbeda l-proċess biex jitnaqqsu l-emissjonijiet mill-vapuri waqt li jkunu trakkati mal-mollijiet tal-Port Ħieles.

“Fl-ewwel xhur ta’ din is-sena malli ngħatajt ir-responsabbiltajiet ministerjali tiegħi, fosthom il-Port Ħieles, tajt direzzjoni lill-Korporazzjoni tal-Freeport biex isiru studji dwar il-vijabilità tax-‘shore-to-ship power supply’ li permezz tagħha l-vapuri trakkati mal-mollijiet ma jkollhomx għalfejn iħallu l-magni mixgħulin waqt li jkunu għaddejjin bix-xogħol ta’ ħatt jew tagħbija ta’ containers. Vapuri li jkunu mgħammrin bil-faċilità neċessarja jkunu jistgħu jitfu l-magni tagħhom u jitħaddmu bil-kurrent tad-dawl mill-art. 

L-istudji tlestew fil-ġimgħat li għaddew u minnhom irriżulta li proġett bħal dan ikun ta’ benefiċċju kbir għall-abitanti ta’ Birżebbuġa. Il-proġett, flimkien mal-istudji, tressaq għall-approvazzjoni tal-Gvern liema approvazzjoni nkisbet. Bħala Ministeru issa se tkun qed issir l-applikazzjoni għall-fondi Ewropej. Huwa stmat li b’dan il-proġett it-tniġġis jonqos b’madwar 40%. L-ewwel fażi tal-proġett se tkun tiswa madwar €5 miljuni.
Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Enerġija u Immaniġġjar tal-Ilma Michael Farrugia fakkar li l-Gvern, tul dawn l-aħħar snin, għamel passi kbar biex jassigura li l-familji Maltin jgħixu komdi fi djarhom permezz ta’ inizjattivi li qed jaħdem fuqhom fil-qasam tal-enerġija. Semma fost oħrajn l-iskemi tal-pannelli fotovoltajiċi, solar water heaters, heat pumps water, double glazing windows u roof insulations. B’mod partikolari lejn Birżebbuġa, huwa qal li l-Gvern impenja ruħu biex jagħlaq l-impjant ta’ San Luċjan u sa nofs is-sena d-dieħla, jingħalaq ukoll l-impjant 31 ta’ Marzu 1979, żewġ impjanti li kienu ta’ inkonvenjent għar-residenti ta’ Birżebbuġa għal snin twal. Il-Gvern għaldaqstant, qed jimpenja ruħu wkoll biex jikkumpensa lir-residenti billi joffrilhom l-iskema tad-double glazing’ li tħabbret illum. 

“Nofs miljun ewro ta’ responsabbilta’ soċjali lejn ir-residenti ta’ Birżebbuġa li mhux biss, issa se jkun qed jonqsilhom l-inkonvenjent mill-istorbju iżda se jaraw ukoll roħs fil-kont tad-dawl tagħhom,” qal il-Ministru Farrugia.

Id-Direttur Mark Camilleri mill-Ministeru għat-Turiżmu permezz ta’ preżentazzjoni spejga fid-dettall din l-iskema u x’għandu wieħed jagħmel biex japplika għall-iskema. 

L-applikazzjonijiet għal din l-iskema jiftħu nhar it-Tnejn, 7 ta’ Diċembru  2020 u jagħlqu fil-31 ta’ Diċembru 2021. Iż-żmien li matulu jistgħu jintbagħtu l-applikazzjonijiet jista’ jingħalaq qabel jekk kemm-il darba l-fondi allokati jiġu eżawriti qabel.

Preżenti wkoll waqt il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru Ronald Mizzi u l-Inġinier Jonathan Scerri. Kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Freeport Corporation David Magro u l-Kap Eżekuttiv tar-Rews l-Inġinier Marjohn Abela. Preżenti kien hemm ukoll is-Sindku u Kunsilliera f’isem il-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa. 

More in Politika