Repubblika titlob għat-tneħħija ta' Alex Dalli u inkjesta fuq kif qed jitmexxa l-Ħabs

L-għaqda tgħid illi ħafna mill-11-il mewt fl-aħħar sentejn u nofs qatt ma kienu spjegati

Id-Direttur tal-Ħabs Alexander Dalli
Id-Direttur tal-Ħabs Alexander Dalli

Repubblika qed tipproponi - fid-dawl tal-mewt tal-11-il priġunier fl-aħħar sentejn u nofs - li d-Direttur tal-Ħabs il-Kurunell Alexander Dalli jitneħħa minnufih u tinfetaħ inkjesta pubblika u indipendenti "biex tgħarbel il-kundizzjonijiet fil-ħabs, tiddetermina jekk l-istat u l-amministrazzjoni tal-ħabs għandhomx parti mir-responsabbiltà għall-fallimenti istituzzjonali,  x’azzjoni għandha tittieħed u x’nistgħu nitgħallmu minn dawn il-fallimenti u biex tagħmel rakkomandazzjonijiet għal riformi fil-ħabs."

L-għaqda qed tinsisti wkoll li għal xi żmien l-amministrazzjoni tal-ħabs taħdem taħt is-sorveljanza ta’ Kumitat Parlamentari li jisma’ l-amministratturi tal-ħabs u esperti fl-amministrazzjoni tal-ħabs u fil-ħidma soċjali, "biex jassigura s-salvagwardja tal-ħajja u tad-drittijiet fundamentali tal-priġunieri."

L-għaqda qalet illi ħafna mill-imwiet baqgħu qatt ma kienu spjegati, speċjalment fid-dawl tar-rata ta' mwiet fl-istess istituzzjoni. 

"Nifhmu li meta jmut xi ħadd fil-kustodja tal-ħabs, tinfetaħ inkjesta maġisterjali. Ma smajna qatt li ngħalqet xi waħda minn dawn l-inkjesti kollha u x’kien l-eżitu tagħha. L-imwiet iseħħu fis-segretezza tal-ħabs u l-istħarriġ tal-imwiet isir fis-segretezza istituzzjonali tal-maġistratura.
Il-gvern m’għandux jistenna aktar biex jiddetermina li aktarx jeżistu fallimenti sistematiċi li qed iwasslu għal dawn l-imwiet," temmet tgħid l-għaqda Repubblika. 

More in Politika