'Il-Prim Ministru b’dak li għamel weġġagħni' - Silvio Parnis

Silvio Parnis jisħaq li hu ma għamel xejn ħażin fil-pandemija u mexa mal-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa

'Il-Prim Ministru b’dak li għamel weġġagħni. Weġġa’ lill-familja tiegħi, lill-ħbieb tiegħi u lil dawk ta’ madwari." Hekk saħaq l-eks Segretarju Parlamentari Silvio Parnis f'intervista ma' Inews Malta hekk kif wara r-rushuffle tas-Sibt li għadda, hu kien l-uniku Deputat li mar lura fil-bankbench.

Fil-fatt, Parnis mhux se jkun qed jikkontesta elezzjoni oħra. Hu stess jgħud: “jiena ħassejt li b’dak li ġara s-Sibt spiċċat il-karriera politika tiegħi. Jiena kif tridni nikkontesta meta n-nies ma nistax ngħinhom? Kif nista’ nikkontesta elezzjoni meta miegħi għandi żwiemel fejn jistgħu jaqdu lin-nies?”

Jidher, skont dak li qal Parnis, li wara li tteħidlu d-dekasteru tal-anzjani, il-Prim Ministru kien tkellem miegħu u offrielu li jagħtih f'idejh il-Kunsilli Lokali.

Madanakollu, Parnis ma aċċettax, anke għax fi kliemu, hu ma għamel xejn ħażin fil-pandemija u mexa mal-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa.

Fil-fatt, Parnis kien fiċ-ċentru tal-kritika meta l-każijiet tal-Covid-19 bdew jiżdiedu fost l-anzjani, partikolarment dawk residenti fi djar residenzjali.

Minkejja dan, Parnis insista li mhux beħsiebu jagħmel ħsara lill-partit u lil Robert Abela xorta se jibqa’ jirrispettah.

“In-nies huma tad-demm u l-laħam u jħossu. Ir-rispett jibqa’ lejn il-PM, ħsara mhux se nagħmillu. Però ddispjaċieni għax kont inqisu l-akbar ħabib li kelli fil-politika. Dejjem tkellimna bl-ikbar ħbiberija. Naħfer ukoll lil dawk kollha li għamluli ħafna ħsara fl-10 xhur tiegħi fil-ħidma tas-Segretarjat tal-Anzjani,” temm jgħid Parnis.

More in Politika